Illum f'żewġ laqgħat separati fil-ħdax ta’ filgħodu u fit-tlieta ta’ wara nofsinhar rispettaviment, il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis laqa’ fil-Ministeru tiegħu r-rappreżentanti tal-Union of Cabin Crew (U.C.C.) li hi l-union li tirrapreżenta l-interessi tal-cabin crew fi ħdan l-AirMalta.
Dawn id-diskussjonijiet saru bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat mal-unions li jirrappreżentaw ħaddiema f’oqsma differenti tal-AirMalta.
Il-Union of Cabin Crew tat avviż ta’ tilwima industrijali lil AirMalta li tiġi fis-seħħ f'nofs il-lejl fl-20 ta’Awwissu, 2016.
Kif mexxa lbieraħ mal-union tal-piloti ALPA, il-Gvern serraħ ras il-union bil-miktub dwar it-talbiet tagħhom sakemm jintlaħqu l-miri ta’ produttività, effiċjenża u flessibilità li huma tant kruċjali sabiex il-linja tal-ajru tingħata nifs ġdid u futur li jkun kummerċjalment vijabbli.
Sadanittant, mingħajr ma taw l-ebda spjegazzjoni, l-istess membri tal-kumitat tal-U.C.C. qabdu u telqu 'l barra mill-laqgħa.
Il-Gvern irid jagħmilha ċara li filwaqt li jibqa’ dejjem miftuħ għal diskussjoni, jiddeplora l-aġir irresponsabbli tal-istess membri tal-kumitat tal-U.C.C. li jafu li kwalunkwe azzjoni industrijali fl-għeqqel tas-sajf tista’ twassal għal ħsara irreparabbli. Il-Gvern jemmen ukoll li dan l-aġir irresponsabbli lanqas jagħmel ġieħ lill-impjegati li huma jirrappreżentaw.
Il-Gvern ser jieħu l-mezzi kollha neċessarji sabiex ma jħalli lil ħadd jagħmel ħsara lill-linja nazzjonali tal-ajru għad-detriment tal-istess ħaddiema tagħha, tal-industrija tat-turiżmu u lill-ekonomija inġenerali tal-pajjiż.
Il-Ministru kien akkumpanjat għal din il-laqgħa mill-President Emeritus George Abela u mic-Chairperson tal-Airmalta Maria Micallef.