PN: 'Mhux se naċċettaw ġudizzju mingħand Ronnie Pellegrini'

Il-PN u Michael Fenech Adami jwieġbu għall-konklużjonijiet tal-Bord tal-Governanza Lokali 

Ronnie Pellegrini
Ronnie Pellegrini

Ftit biss wara li l-Bord tal-Governanza Lokali ħareġ konklużjonijiet dwar il-Kunsill Lokali ta' Birkirkara li kien imexxi Michael Fenech Adami, li fihom talab li tittieħed azzjoni kontra l-istess eks-Sindku, il-Partit Nazzjonalista ħareġ qatta bla ġabel kontra wieħed mill-membri tal-istess bord, Ronnie Pellegrini. "Mhux se naċċettaw ġudizzju mingħand Ronnie Pellegrini," saħaq il-PN, li kompla jfakkar dwar kummenti li l-istess Pellegrini għadda fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook. 

Huma akkużaw lil Pellegtini illi biddel il-verità "ta' taħt fuq, proprju biex issir diskriminazzjoni kontra min ma jaqbilx miegħu politikament." Il-PN kompla jgħid li "Ronnie Pellegrini qed juri kemm jemmen fid-diskriminazzjoni meta fir-rwol tiegħu bħala membru tal-Bord tal-Governanza Lokali, dawwar il-fatti kompletament biex jaqdi lis-Sindku Laburista Joanne Debono Grech billi jikkundanna lill-eks Sindku ta' Birkirkara Michael Fenech Adami." 

Intant Fenech Adami f'reazzjoni, filwaqt li qal illi dak li ħareġ mir-rapport kien mimli nofs veritajiet akkuża lis-Sindku u lill-Partit Laburista illi qed jagħmlu vendikazzjoni. "Tant kemm ma sar xejn irregolari minn naħa tiegħi li r-reazzjoni tal-membri tal-Bord għax-xhieda tiegħi kienet waħda li l-investigazzjoni in kwistjoni hija kollha ħela ta’ ħin u bla ebda bażi. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li min talab l-investigazzjoni fil-konfront tiegħi u ċoè s-Sindku preżenti Joanne Debono Grech qablet u għalhekk ivvutat favur kull deċiżjoni li ttieħdet minni bħala Sindku," temm jgħid Fenech Adami. 

More in Politika