'Qtajt qalbi mill-politiċi u l-politika' - Ivan Bartolo
11-il xahar ilu kien qal: 'Simon Busuttil ifakkarni fl-onestà u integrità'
More in Politika
11-il xahar ilu kien qal: 'Simon Busuttil ifakkarni fl-onestà u integrità'
Ivan Bartolo il-Fundatur u Kap Eżekuttiv tal-Kumpanija 6pm u negozjant bid-dottorat li kien inħatar sentejn ilu minn Simon Busuttil biex imexxi l-Forum tal-Politika Nazzjonalista dwar l-ekonomija ħassu ferm diżappuntat mill-politika wara li s-sit Internazzjonali 'Politico' ħareġ bl-aħbar li uffiċjali tal-PN, Membri Parlamentari Ewropej tal-PN u deputati fil-Parlament tal-PN huma involuti fl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. Bartolo ħassu diżappuntat jekk dak li nkiteb hu minnu fejn dehrlu li jikteb fuq il-paġna ta' Facebook tiegħu hekk:
'Jekk dan hu l-każ, Jien uffiċjalment qtajt qalbi mill-politiċi kollha u mill-politika. Inħossni devastat.'
Il-Kap eżekuttiv ta' 6PM b'dan il-messaġġ jagħti x'jifhem li m'għadux konvint fuq dak li 11-il xahar ilu kien qal dwar Simon Busuttil. Bartolo tkellem f'diversi attivitajiet tal-PN fejn l-aħħar darba li semma leħnu kien fl-attivitajiet tal-Indipendenza, f'Settembru li għadda meta għamel eloġju lil Simon Busuttil
"Survey tan-negozju li qrajt jgħid li l-onestà u l-integrità huma l-kwalitajiet essenzjali ta' kap tan-negozju. U hekk ifakkarni Simon Busuttil: Onestà u Integrità. Busuttil hu r-raġuni li qed nersaq aktar qrib il-politika." Bartolo kompla jgħid dakinhar li Busuttil kellu raġun li jwissi lil poplu qabel l-2013 li Malta tmur dritt għal ġol ħajt jekk jitla' l-Labour. "Naħseb li kellu raġun għax meta nkun imsiefer, nies li nitkellem magħhom jgħiduli 'X'ġara minn dak il-pajjiż li n-nies tiegħu kienu dejjem jinvestu'. Forsi m'iniex wisq intelliġenti, iżda għadni ma nistax nifhem kif dan il-Gvern tela b'maġġoranza daqshekk kbira, ta' 36,000 vot," temm Ivan Bartolo kważi sena ilu waqt l-attivita tal-Indipendenza.