'Il-PN tant sar trasparenti li sparixxa mix-xena'

...iktar kritika diretta lejn Simon Busuttil din id-darba mill-opinjonista Victor Calleja...jibża' li Busuttil u dawk ta' madwaru mhux qed jisimgħu lil min irid jagħti parir tajjeb lill-PN 

Reġa qed iqum dissens dwar it-tmexxija ta' Busuttil....għaliex?
Reġa qed iqum dissens dwar it-tmexxija ta' Busuttil....għaliex?

Dan l-istaġun sajfi ma tantx jidher li qed jidħaklu wisq lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li qed isib lilu nnifsu fiċ-ċentru ta' kritika minn diversi vuċijiet dissenti, anke jekk il-Gvern Laburista għadu ħiereġ minn perjodu politiku diffiċli u turbolenti ħafna sforz il-każ 'Panama'. L-opinjonista Victor Calleja kompla żied fid-doża tal-kritiċi u filwaqt li faħħar lill-PN talli tratta l-kwistjonijiet tal-governanza u t-trasparenza, akkuża lill-istess partit illi minn mindu 'mietet' il-kwistjoni tal-Panama l-PN 'sparixxa'. 

'Il-mexxejja tal-PN ħadu l-kelma trasparenza għall-livell ġdid. Filwaqt li t-trasparenza hija xi ħaġa li għadha togħġob lil dawk kollha li jħobbu d-demokrazija, l-PN tant sar trasparenti li sparixxa." 

Huwa jiddeskrivi l-każ 'Panama' bħala wieħed li suppost kellu jkun "tunnellata ċirasa fuq il-kejk" għall-PN. Minflok, ikompli jgħid Calleja, l-PN żelaq fl-istrateġija tiegħu għax "dan huwa s-sintomu ta' x'jagħmel il-PN fl-oppożizzjoni jew x'ma jagħmilx." Huwa jkompli jgħid li l-PN "m'għandux pjan, fil-PN m'hemmx koeżjoni, m'hemmx il-kapaċità ta' xi ħadd li jkun jaf x'inhu l-pass li jmiss." 

Calleja jalludi illi l-PN, sa ċerta punt, lagħab għall-logħba tal-Prim Ministru Joseph Muscat li ħalla l-kwistjoni tal-'Panama' għaddejja, sakemm mietet u ma baqgħetx tagħmel wisq aktar ħoss. 

"X'suppost qed jagħmel il-PN f'dawn iċ-ċirkostanzi terribbli għall-pajjiż?" jistaqsi Calleja. "M'għandix idea u niddubita jekk hux posti li nagħti dawn il-pariri. Nibża', illi anke jekk nagħti parir tajjeb, Simon Busuttil u dawk ta' madwaru ma jisimgħux." 

 

More in Politika