B'riferenza għall-wegħda riċenti tal-Gvern li fl-aħħar se jindirizza l-irregolaritajiet rikorrenti tal-operaturi tal-fish farms, il-Kelliem dwar Agrikoltura u Ħarsien tal-Annimali tal-Alternattiva Demokratika, Simon Galea, sejjaħ għal azzjoni b'saħħitha u effettiva.
"In-nuqqas ta' rispett lejn il-legizlazzjoni lokali kif stabbilita mill-awtoritajiet min-naħa ta' numru ta'operaturi ta' farms għat-trobbija tat-tonn ilu jinħass is-snin, waqt li l-awtoritajiet ikkonċernati baqgħu jkaxkru saqajhom.” Sostna Galea.
Huwa saħaq li “bħala riżultat ta' dan, numru ta' bajjiet ġew ikkontaminati u b'hekk, kemm it-turisti kif ukoll il-Maltin ġew imċaħħda mill-possibilità li jgħumu fihom.”
“Huwa biss wara li qam għagħa kbir fil-pubbliku li l-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera wiegħed li jieħu azzjoni" sostna Galea.
L-Istqarrija tispjega li ninsabu f’sitwazzjonji inaccettabbli, fejn iċ-ċittadini huma mċaħħda mid-drittijiet legali tagħhom, bħal ibħra nodfa, li għal snin sħaħ ma tittieħdietx azzjoni dwarhom.
“L-aworitajiet qegħdin hemm biex f'kazijiet bħal dawn iħarsu l-ambjent u d-drittijiet taċ-ċittadini… u mhux biex jagħlqu għajnejhom għal dawn l-illegalitajiet" tenn Galea, filwaqt li huwa kompla jgħid li "huwa tajjeb li ħarġu ordnijiet ta' nfurzar ta' emerġenza, b'multi kuljum, imma hemm bżonn li jekk l-operaturi ma jneħħux il-gaġeġ illegali, l-awtoritajiet jieħdu azzjoni diretta malajr għas-spejjes tal-operaturi. Hemm bzonn li jingħata messaġġ ċar u tond li illegaltajiet mhux tollerati," temm jgħid Simon Galea.