Anke jekk il-kelma pizza tibqa' sinonima mal-Italja u dak kollu Taljan, 35% ta' dawk li pparteċipaw fi stħarriġ li sar mill-gazzetta oħt Maltatoday qalu li meta jmorru jieklu, l-aktar ħaġa li jfittxu hija l-pizza. ir-riżultati tal-istħarriġ huma riflessi fir-realtà tal-pizzeriji mimlijin nies, kull tmiem il-ġimgħa u kważi kull fejn tmur. Il-pizza l-Maltin iħobbuha wisq, kemm jekk il-Maltin jieklu barra, kif ukoll flimkien mal-ħbieb id-dar. U mhux talli hija popolarità tal-pizza hija fost il-etajiet kollha.
Ftit iktar minn 38% ta' dawk kollha li għandhom bejn 18 u 34 sena jippreferu pizza meta jmorru jieklu barra, filwaqt li 41% ta' dawk bejn 35 u 54 fittxew pizzeria wkoll. Huwa fost dawk li huma aktar anzjani li l-persentaġġ huwa iżgħar, anke jekk fil-fatt huwa ikbar minn kull persentaġġ għal kull tip ta' ristorant ieħor. Kienu erba' minn kull 10 persuni minn 55 sena 'l fuq li fittxew pizzeria meta marru jieklu.
Apparti mill-imħabba tal-Maltin għal dak kollu Taljan, imma l-aktar għall-ikel Taljan, il-fatt li l-pizza hija daqstant popolari jista' jkollha raġunijiet oħrajn, fosthom finanzjarji. Fil-fatt, l-istħarriġ sab illi 42% tal-Maltin jgħidu illi meta joħorġu jistgħu biss jonfqu bejn €10 u €20 kull persuna, filwaqt li 38% jgħidu li jistgħu jonfqu bejn €20 u €30 kull persuna. L-ewwel kategorija (€10-€20) taqa' tajjeb taħt il-prezzijiet li jitolbu l-maġġoranza ta' pizzeriji f'pajjiżna, fejn prezz medju ta' pizza jvarja bejn €6 u €8.
Popolari wkoll huma ristoranti li jservu l-għaġin, anke jekk dan il-platt ġeneralment huwa komuni ħafna wkoll fil-pizzeriji. It-tielet l-aktar ikla komuni fost il-Maltin li joħorġu jieklu hija dik Chinese. L-ikel Ċiniż huwa iktar popolari fost iż-żgħażagħ milli hu popolari fost l-anzjani. Fil-fatt, filwaqt li 12% ta' dawk bejn 18 u 34 sena marru kielu Ċiniż l-aħħar li ħarġu jieklu, kienu biss 2.7% ta' dawk minn 55 sena 'l fuq li għamlu l-istess.
Intant l-istess stħarriġ wera' kif ħadd miż-żgħażagħ li wieġbu ma kielu minn buffet minn lukanda, fost l-inqas tip t' ikla popolari. Jista' jkun li l-kelma buffet tbeżża' n-nies għax jimmaġinaw kwalità baxxa ta' ikel. Jista' jkun ukoll li buffet ifisser skoss flus.