Malta, għal snin twal, kellha l-krejn bħala wieħed mill-oġġetti kważi permanenti fl-iskyline tagħha. Iżda krejn partikolari, miżjud mal-ħafna li diġa hawn, jidher li ma tantx qed jinżel tajjeb ma' wħud, fosthom il-Kunsillier Laburista tal-Belt Valletta Ray Azzopardi. Dan huwa l-krejn, li jidher sew mill-għolja ta' Kastilja, u li jerfgħak biex tiekol fis-sema'.
Il-Kunsillier Azzopardi, f'kummenti ma' dan is-sit sostna illi 'l-krejn qed ikerrah l-inħawi u li mhux postu fejn qiegħed.' L-illum.com.mt staqsiet lil Azzopardi jekk il-fatt li dan il-krejn tpoġġa fuq il-post kienx diskuss fuq livell ta' Kunsill Lokali. Azzopardi, filwaqt li fakkar illi, l-post fejn qiegħed il-krejn ma jaqax taħt ir-responsabilità tal-Kunsill tal-Belt, qal ukoll illi hemm qbil ġenerali li dan m'għandux ikun fuq il-post għax qed ikerrah waħda mill-isbaħ veduti tal-kapitali.
Iktar kritiku kien Charles Coleiro, li f'reazzjoni għar-ritratt li qed nippublikaw ma' din l-istorja u li tpoġġa fuq Facebook qal li 'missna nistħu. Dejjem naraw kif ''niddesakraw'' dak li tana Alla f'amjbent naturali bħal dak tal-Port il-Kbir.' Coleiro, personalità popolari fuq it-TV u isem marbut mal-kultura u l-istorja, qal illi Malta għandha biżżejjed krejns fil-pajjiż.'