Jipproponu nefqa ta' €10 miljuni fuq il-konnetività bejn il-gżejjer

...il-GRC jipproponi 20 proposta għall-baġit li jmiss

Il-Ministri Anton Refalo u Helena Dalli, waqt il-preżentazzjoni tal-GRC
Il-Ministri Anton Refalo u Helena Dalli, waqt il-preżentazzjoni tal-GRC

Il-Kumitat Reġjonali għal Għawdex (GRC) li hu rappreżentat fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD ippreżenta l-proposti tiegħu għall-baġit li jmiss. Il-proposti li jikkonsistu f'għoxrin miżura u kwantifikati li  jiswew €14-il miljun tressqu waqt laqgħa tal-Kunsill Reġjonali li saret f'Għawdex u li għaliha attendew il-Ministru Helena Dalli u l-Ministru Anton Refalo.

Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli enfasizzat l-importanza li ssir din it-tip ta' konsultazzjoni  mal-istakeholders li tkompli ssaħħaħ id-djalogu soċjali f'pajjiżna.

Il-Ministru Dalli semmiet kif il-konsultazzjoni dwar il-baġit hija l-aktar eżerċizzju mportanti ta' kull sena fejn il-Gvern jisma' mingħand l-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti sabiex il-perspettiva ta' dawk kollha li jieħdu sehem tiġi kkunsidrata.

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li permezz tal-kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-kumitat Reġjonali Għawdxi fil-proċess tad-djalogu soċjali u ċivili, il-leħen ta’ kull entità rappreżentata ma baqax iktar fuq bażi lokali u reġjonali iżda qed jingħata l-attenzjoni mistħoqqa.  Dan jawgura tajjeb u huwa pass pożittiv li  leħen l-Għawdxin jasal għall-ġid komuni t’Għawdex.

Il-Ministru Refalo semma' kif l-għan aħħari ta’ dawn il-proposti huwa li Għawdex ikun gżira kompetittiva daqs Malta u li jkollu l-kapaċità li joħloq verament il-ħolqien tax-xogħol fid-diversi setturi tal-ekonomija Għawdxija.

Il-miżuri mressqa mill-GRC jiffukaw speċifikament fuq il-ħolqien ta' aktar opportunitajiet ta' xogħol flimkien ma' skemi mmirati għall-kummerċ f'Għawdex biex dan ikompli jikkontribwixxi aktar fit-tkattir ekonomiku ta' pajjiżna.

Fi preżentazzjoni li saret mill-ekonomista Gordon Cordina, intqal kif l-għoxrin miżura huma mqassma f'erba' kategoriji differenti: Investiment fil-konnettivita b'investiment ta' €10.1 miljun. Investiment kapitali fiżiku u ambjentali b'investiment ta' € 3.3 miljun. Investiment fir-riżorsi umani b'investiment ta' €500,000 u djalogu Soċjali u formulazzjoni ta' policy.

L-MCESD mistenni jerġa' jiltaqa' fit-12 ta' Settembru fejn dakinhar tkompli d-diskussjoni u l-konsultazzjoni dwar il-baġit 2017 bejn l-imsieħba soċjali, korpi kostitwiti, unions u rappreżentanti ta' min iħaddem.

More in Politika