Matul dan il-lejl BirdLife Malta ġiet infurmata li sar rave party fil-Buskett. 'Dan hu kompletament inaċċettabbli u BirdLife Malta tikkundanna r-rave parties b’mużika għolja li qed jitħallew isiru fil-Buskett, speċjalment f’dan iż-żmien sensittiv tas-sena waqt il-passa tat-tajr tal-priża.#
Aktar kmieni llbieraħ ’l fuq minn 60 Astun Iswed (Black Kites) kienu osservati jfittxu kenn fl-inħawi biex isibu post fejn iqattgħu l-lejl. Dawn spiċċaw disturbati meta bdiet tindaqq mużika għolja bi tħejjija għal dak li jidher li hu party kbir li qed jiġi organizzat fiz-zona.
BirdLife Malta tfakkar li l-Buskett jifforma parti min-netwerk ta’ siti protetti Natura 2000 u qed isir investiment bil-għan li tibqa’ tikber u titkattar aktar il-biodiversità f’dan il-post. Avvenimenti bħal dawn imorru għalkollox kontra l-ispirtu ta’ riserva naturali, speċjalment sit Natura 2000. BirdLife Malta tħeġġeġ lill-Awtorità Maltija tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex tinvestiga mill-ewwel dak li ġara dan il-lejl fil-Buskett u tittama li tinstab soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr għal din il-kwistjoni.
Dak li seħħ illum ma jistax jirrepeti ruħu u BirdLife Malta tfakkar lill-awtoritajiet fl-obbligi li għandhom li jimmaniġġjaw siti Natura 2000 kif inhu mistenni.