PN: 'Muscat qisu qasba tixxejjer mar-riħ'

Skont il-PN Muscat ma jistax jitwemmen fuq l-ambjent u se jibqa' mfakkar bħala r-raġel li 'qered l-ambjent ta' pajjiżna' 

Il-wirt ta' Muscat se jkun il-qerda tal-ambjent skont il-PN
Il-wirt ta' Muscat se jkun il-qerda tal-ambjent skont il-PN

Il-PN qal li jekk hemm politiku li tilef kull tip ta’ kredibilità fil-qasam ambjentali huwa Joseph Muscat 'li se jibqa’ mfakkar fl-istorja politika ta’ pajjiżna li ankra tanker tal-gass fil-bajja ta Marsxlokk, li qered iż-Żonqor, li dgħajjef l-ambjent ta’ pajjiżna bil-qasma tal-MEPA, kif ukoll li ħareġ il-permessi għall-bini ta’ ħames skyscrapers f’ġurnata waħda.'

Għall-kuntrarju, l-pożizzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, sostna l-PN,  'hija waħda konsistenti u favur l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Hu għalhekk li tkellem b’mod onest u b'saħħtu kontra l-qasma tal-MEPA, kontra l-permessi tal-iskyscrapers kif ukoll kontra l-qerda taż-Żonqor.'

Dwar il-kwistjoni tal-Freeport u dik tal-fish farms, il-pożizzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista hija l-aktar waħda li toħloq bilanċ għaliex l-ekonomija u l-ambjent m’għandhomx jitqiesu kontra xulxin imma favur xulxin. 

'Muscat, minn naħa l-oħra, qisu qasba tixxejjer mar-riħ u jitkellem skont kif jaqbillu. Għalhekk ma jistax jitwemmen, għax filwaqt li ħareġ jgħid kemm hu diżappuntat bid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq il-fish farms, ħadd ma belagħha għax kulħadd jaf li l-awtorità tagħmel eattament dak li jrid hu, kif għamlet dwar it-tanker tal-gass, dwar iż-Żonqor u dwar l-iskyscrapers tal-Imrieħel u Tas-Sliema,' temm jgħid il-PN

 

 

More in Politika