Il-PN jgħid li Muscat reġa’ falla test ieħor...

Il-PN kien lest jappoġġja lill-Awditur Ġenerali u lill-Ombudsman bħala membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, iżda Muscat baqa' jsostni n-nomina ta' Leo Brincat

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, ġie ddikjuarat li Joseph Muscat reġa’ falla test ieħor meta, flok aċċetta l-proposti tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri jkun hemm Maltin li huma serji u li m’humiex involuti fl-iskandlu tal-Panama, għażel li jwebbes rasu u jkompli għaddej b’Leo Brincat.

Dan minkejja li l-partiti politiċi kollha tal-Parlament Ewropew ivvutaw kontrieh minħabba li vvota favur Konrad Mizzi u l-kumpanija sigrieta tiegħu fil-Panama.

Il-PN jisħaq li l-verità hi li l-uniku bniedem li qed jagħmel il-ħsara lil pajjiżna hu Joseph Muscat li lest iwebbes rasu quddiem vot qawwi tal-Parlament Ewropew - liema istituzzjoni hu stess kien membru tagħha. Muscat messu, għal darba, jieqaf iwebbes rasu, u jinnomina persuna serja bħall-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman li diġà għandhom l-appoġġ tal-Parlament Malti. 

"Kull darba li jkun maqbud f’rokna, l-uniku reazzjoni ta’ Muscat tkun attakk dirett fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ferm aħjar minn hekk" jistqarr il-PN

L-Oppożizzjoni lesta tappoġġja lill-Awditur Ġenerali u lill-Ombudsman bħala membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

L-Oppożizzjoni kienet lesta tappoġġja persuni oħrajn li huma serji u mhux assoċjati mal-iskandlu tal-Panama, fost l-oħrajn l-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman, biex ikunu membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri nominati mill-Gvern Malti.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101 li saret minn Norman Vella.

Busuttil qal li ż-żewġ persuni li ssemmew huma individwi li jokkupaw pożizzjoni li hi ta’ integrità kbira u li diġà għandhom l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Parlament. “Dawn huma t-tip ta’ nies li għandhom jirrapreżentaw lil Malta u mhux nies li vvutaw favur Konrad Mizzi u l-kumpanija sigrieta tiegħu fil-Panama,” qal Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li fil-Parlament, qabel il-vot ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi, hu kien wissa lil Leo Brincat li ma jistax ikun li jivvota favur Konrad Mizzi, imbagħad jippreżenta ruħu quddiem il-Parlament Ewropew qisu xejn mhu xejn.

Busuttil qal li wieħed jistenna li Leo Brincat jgħaddi mill-Kunsill tal-Ministri fejn il-Gvernijiet jaġevolaw lil ħaddieħor, iżda appella lill-Prim Ministru biex ma jibqax għaddej u jikkunsidra sew l-alternattivi li qed jiġu ssuġġeriti. “Ieqaf għamel ħsara lil pajjiżna,” qal Simon Busuttil, filwaqt li spjega li bl-ebusija tar-ras ta’ Muscat, se tinħoloq clash bejn l-istituzzjonijiet Ewropew li kienet tkun evitata kieku Muscat għamel dak li kellu jagħmel mill-bidu, jiġifieri li jkeċċi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi.

Il-Partit Nazzjonalista vvota fl-interess nazzjonali u kontra l-korruzzjoni tal-Gvern ta’ Muscat

Simon Busuttil qal li fil-vot dwar Leo Brincat, il-Partit Nazzjonalista vvota u ħadem fl-interess nazzjonali, jiġifieri kontra l-korruzzjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat. “Malta m’hijiex Joseph Muscat, għax il-poplu Malti u Għawdxi hu rvellat b’dak li qed jiġri fi ħdan il-Gvern,” qal Simon Busuttil. 

Hu fakkar li l-vot kontra Leo Brincat kien wieħed massiċċ u kien ġej mill-partiti politiċi kollha fil-Parlament Ewropew, inkluż il-Partit Soċjalista. Hu sostna li anke f’dan l-iskandlu, Muscat irnexxielu jgħaqqad lil kulħadd kontra tiegħu.

L-iskandlu tal-visas mediċi jikkonferma rabta bejn il-kriminalità u Kastilja 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-iskandlu tal-visas mediċi lill-Libjani, u sostna li hu kien qajjem dan il-punt sena ilu waqt il-laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà. “Il-Prim Ministru ma jistax jgħid li ma kienx jaf b’dawn l-allegazzjonijiet għaliex jien kont semmejthomlu f’din il-laqgħa,” qal Simon Busuttil. Hu qal li l-aktar ħaġa perikoluża hu l-fatt li hemm rabta bejn dawn l-allegazzjonijiet ta’ kriminalità u Kastilja. Dan għaliex il-bniedem fiċ-ċentru ta’ dan l-iskandlu hu bniedem magħżul minn Joseph Muscat u qed isib id-difiża ta’ Kastilja. “Ma nistgħux ngħixu f’pajjiż fejn hemm rabta bejn iċ-ċentru ta’ Kastilja u l-kriminalità,” qal Simon Busuttil.

Hu sostna li m’għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija għaliex ma nvestigax l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, u fl-iskandlu tal-visas mediċi, ħareġ jgħid li ma hemmx provi, imbagħad l-istess provi ġew ippubblikati fuq The Malta Independent. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem biex il-Korp tal-Pulizija jieħu ħsieb is-sigurtà ta’ pajjiżna, iżda issa, l-fiduċja fil-pulizija intilfet għal kollox.

More in Politika