Il- Prim Ministru Robert Abela ħabbar nhar l-Erbgħa li l-gvern u l-union tal-għalliema qed jersqu eqreb lejn ftehim kollettiv ġdid għall-letturi tal-MCAST.
Waqt intervista fuq Popolin fuq TVM, Abela qal li l-pakkett finanzjarju l-ġdid, jekk jintlaħaq ftehim bejn il-gvern u l-Malta Union of Teachers (MUT), se jkun ferm ogħla mill-€35 miljun imħabbra fl-aħħar tas-sena li għaddiet.
L-union u l-MCAST ilhom f’taħditiet dwar ftehim kollettiv ġdid għal dawn l-aħħar sentejn.Dan il-ftehim jinkludi tmien gradi, fosthom gradi ta’ lettura, gradi ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-istudenti, mentors tal-istudenti, diretturi, LSEs, technicians u uffiċjali għolja tar-riċerka.
L-aħħar ftehim kollettiv kien iffirmat fl-2018 u skada f’Diċembru 2021.
Fil-bidu tas-sena akkademika attwali, l-MUT iddikjarat tilwima industrijali mal-MCAST, li wasslet għal direttivi li affettwaw lill-istudenti, ikkawżaw tfixkil fl-edukazzjoni tagħhom, u ħolqu dewmien li jeħtieġ jiġi indirizzat flimkien mal-preparazzjonijiet għas-sena akkademika kurrenti.
Ix-xahar li għadda, l-union ssospendiet dawn id-direttivi, u s-sospensjoni għadha fis-seħħ, sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jirċievu l-marki tal-ewwel semestru.
Nhar l-Erbgħa, il-Prim Ministru qal li ġie mfassal abbozz tal-ftehim, u għalkemm għad hemm xi dettalji x’jiġu rranġati, il-partijiet involuti fit-taħditiet qed jersqu eqreb lejn ftehim finali. Abela saħaq li l-gvern għandu żewġ prijoritajiet: li jiżgura li l-edukaturi jaħdmu f’kundizzjonijiet tajbin b’pakkett finanzjarju sostenibbli u allinjat ma’ ftehim kollettivi f’setturi oħra, u li l-istudenti ma jkunux “vittmi” ta’ azzjonijiet industrijali.
“L-istudenti m’għandhomx ikunu involuti fin-negozjati. Mhux sew li jkunu vittmi ta’ azzjonijiet industrijali, speċjalment meta l-pakkett finanzjarju offrut mill-gvern huwa wieħed sostanzjali,” qal Abela.