
Muscat jimbotta b’qawwa vot favur Leo
Leo Brincat mistenni jkun approvat mill-Kunsill Tal-Ministri

More in Politika
Leo Brincat mistenni jkun approvat mill-Kunsill Tal-Ministri
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qatta’ dawn l-aħħar ġranet f’lobbying intensiv ħafna biex wara d-disfatta li sofra Leo Brincat fil-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ministri jagħti l-approvazzjoni tiegħu lin-nomina ta’ Malta. L-ILLUM, fil-fatt hija infurmata minn sorsi li tkellmu magħha, li ħidmet Muscat se tfisser li “hemm kważi ċertezza li n-nomina ta’ Brincat tgħaddi miż-żewġ stadji li għad fadal u b’hekk tkun approvata.”
L-ILLUM hija infurmata wkoll li n-nomina ta’ Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, wara l-vot negattiv fil-Parlament Ewropew aktar kmieni din il-ġimgħa, mistennija tingħata l-ewwel indikazzjoni pożittiva fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper II) biex imbagħad tkun approvata l-ġimgħa ta’ wara mill-Kunsill tal-Ministri.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed juża s-saħħa politika li qed tikseb Malta bħalissa, hekk kif riesaq iż-żmien li pajjiżna jieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, biex jagħmel lobbying permezz ta’ kompromessi politiċi dwar kwistjonijiet li pajjiżi differenti jkunu jridu jimbuttaw matul is-sena d-dieħla u preċiżament matul iż-żmien li Malta se jkollha r-riedni tal-UE f’idejha.
Riedu jpattuhielu
Intant ilbieraħ l-eks President tal-Partit Laburista Emanuel Cuschieri, akkuża lill-Partit Nazzjonalista li l-każ Panama kien biss paraventu għar-raġuni tal-ħidma tiegħu biex in-nomina ta’ Brincat tfalli. Cuschieri, f’kummenti mal-ILLUM, jakkuża lill-PN li għamel gwerra sħiħa kontra Brincat biex ipatthielu talli kien hu li kixef l-istorja taż-żieda li ħadu l-eks Ministri Nazzjonalisti bil-moħbi u talli kien grazzi għalih li nkixef l-iskandlu taż-żejt, żvelat qabel l-aħħar elezzjoni u li għamel ħsara kbira lill-PN.
Fil-fatt, kienet tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari tal-istess Brincat nhar it-8 ta’ Diċembru 2010 li kixfet kif f’Mejju 2008, il-Kabinett dakinhar immexxi minn Lawrence Gonzi kien ħa deċiżjoni li hu stess flimkien mal-Ministri tiegħu u s-Segretarji Parlamentari jieħdu żieda ta’ €8,000 fl-onorarja. Il-Gvern ta’ Gonzi kien ħa din id-deċiżjoni fl-istess żmien li kien għolla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Imma Brincat kien ukoll il-persuna li kiteb lill-Awditur Ġenerali u staqsieh biex jibda jinvestiga x-xiri kollu taż-żejt mill-Korporazzjoni Enemalta taħt il-Gvern preċedenti. Hu kien għamel akkużi ta’ nuqqas ta’ trasparenza fil-konfront tax-xiri taż-żejt. Dan kollu wassal biex kien żvelat il-każ tax-xiri taż-żejt, li ħalla Partit Nazzjonalista diġà elettoralment għajjien, imbenġel waħda sew.
Meta tkellem magħna, Cuschieri qal li hija probabbli li l-PN sabu din l-opportunità biex ippattuha lil Brincat, tal-ħsara politika li għamel lill-PN meta ħa dawn iż-żewġ inizjattivi.