Is-sigurtà, il-migrazzjoni u l-ażil prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-EU

Isiru taħditiet fil-Greċja dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-EU rigward is-sigurtà, il-migrazzjoni u l-ażil

Il-Ministru Carmelo Abela waqt il-laqħa mal-Ministru Grieg tal-Intern u r-Rikostruzzjoni Amministrattiva, Panagiotis Kouroumblis, il-Ministru Delegat għall-Politika dwar il-Migrazzjoni, Iannis Mouzalas, u l-Ministru Delegat għall-Ordni Pubbliku u l-Ħarsien taċ-Ċittadini, Niko Toskas.
Il-Ministru Carmelo Abela waqt il-laqħa mal-Ministru Grieg tal-Intern u r-Rikostruzzjoni Amministrattiva, Panagiotis Kouroumblis, il-Ministru Delegat għall-Politika dwar il-Migrazzjoni, Iannis Mouzalas, u l-Ministru Delegat għall-Ordni Pubbliku u l-Ħarsien taċ-Ċittadini, Niko Toskas.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, kellu taħditiet kordjali mal-Ministri Griegi responsabbli mid-Difiża u l-Intern rispettivament, prinċipalment fuq il-migrazzjoni, l-ażil u s-sigurtà fil-kuntest tal-prijoritajiet ewlenin tal-Ministeru għall-Presidenza imminenti Maltija tal-Unjoni Ewropea. Il-laqgħat saru matul żjara ta’ jum fil-kapitali Griega nhar il-Ħamis, il-15 ta’ Settembru 2016, u ffukaw fuq esperjenzi, kompetenzi u metodi ta’ ħidma komuni fil-konfront tal-migrazzjoni mill-Baħar Mediterran u tas-sigurtà fil-fruntiera tan-naħa ta’ isfel tal-UE.

Mal-Ministru Grieg tad-Difiża Nazzjonali, Panos Kammenos, kien hemm qbil li ż-żewġ pajjiżi għandhom jesploraw possibbiltajiet kif tista’ tkompli tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-qasam tad-difiża bejn Stati Membri tan-Nofsinhar tal-Ewropa bħal Malta, il-Greċja, l-Italja u Ċipru, filwaqt li saħqu fuq il-bżonn li l-Istati Membri kollha tal-UE jirrealizzaw li din l-isfida tista’ tiġi indirizzata l-aħjar permezz ta’ approċċ strateġiku komuni Ewropew.

Il-Ministru Abela ltaqa’ wkoll mal-Ministru Grieg tal-Intern u r-Rikostruzzjoni Amministrattiva, Panagiotis Kouroumblis, li kien akkumpanjat mill-Ministru Delegat għall-Politika dwar il-Migrazzjoni, Iannis Mouzalas, u mill-Ministru Delegat għall-Ordni Pubbliku u l-Ħarsien taċ-Ċittadini, Niko Toskas. Huma qasmu flimkien fehmiet dwar kif jista’ jsir progress fir-rigward tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

Waqt li kien il-Greċja, il-Ministru Abela żar ukoll iċ-ċentru ta’ akkomodazzjoni temporanja għar-refuġjati ta’ Eleonas. Il-kamp, li jinsab fil-Punent ta’ Ateni, jipprovdi kenn lil madwar 2,300 migrant minn diversi nazzjonalitajiet, iżda l-aktar mill-Afganistan u mis-Sirja. Huwa ddawwar mal-post mis-Segretarju Ġenerali għall-Politika tal-Migrazzjoni, Vassileios Papadopoulos, u minn wieħed mill-managers tal-kamp, Dimitris Trifonas. Huwa kellu l-opportunità li jiltaqa’ u jitħaddet ma’ refuġjati u migranti, imjegati, staff tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (l-EASO), u voluntieri ta’ organizzazzjonijiet non-governattivi.

“Il-migrazzjoni irregolari hija sfida li tista’ tiġi kkontrollata u mmaniġġjata aħjar permezz ta’ strateġija komuni maqbula bejn l-Istati Memrbi kollha tal-UE id f’id ma’ sħabna barra mill-Unjoni,” ikkummenta l-Ministru fi tmien iż-żjara. “Waqt il-Presidenza tagħha tal-UE, Malta se tagħmel l-almu kollu tagħha biex jintlaħaq kunsens dwar kif l-UE għandha timxi biex tindirizza kemm id-dimensjoni interna kif ukoll dik esterna tal-migrazzjoni. Jinħtieġ li niżguraw li dawk il-migranti li ħaqqhom l-ażil jew il-protezzjoni jingħatawlhom mingħajr dewmien żejjed u jiġu integrati fil-komunitajiet tagħna, filwaqt li dawk li ma jikkwalifikawx jintbaħtu lura malajr kemm jista’ jkun. Sadattant, il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari jridu jiġu indirizzati b’serjetà b’kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu, anki fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni li tfassal fil-Laqgħa Għolja dwar il-Migrazzjoni li saret fil-Belt Valletta f’Novembru li għadda.”

F’Ateni, il-Ministru Carmelo Abela kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Greċja, Joseph Cuschieri, u mill-Koordinatur Politiku tal-Affarjiet Internazzjonali tal-Ministeru, Alessandro Mangion.

More in Politika