Għawdex Djamant, imma...

Iddeċidejt li nibda rubrika fejn fiha barra li nfaħħar u napplawdi dak li hu tajjeb, nitfa’ ftit melħ ukoll li forsi jweġġa’ jekk isib xi ferita, iżda forsi wkoll li jfejjaq il-ferita. Għax f’dak kollu tajjeb dejjem issib l-IMMA...

Issa se jeħduna bil-ferrovija

Għawdex donnu dejjem jinbidel minn ġurnata għall-oħra. Il-politiċi Għawdxin ġejjin minn liema naħa ġejjin ukoll dejjem jibdlu l-ħarsa tagħhom lejn Għawdex, inkella l-lenti daqqa jkabbruha u daqqa jnaqssuha skont iż-żmien. Bħal dejjem qabel kull bidu ta’ kampanja, il-kapijiet jibdew ixejru l-karrotta quddiemhom u l-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ Għawdxin (li jkunu għadhom neqsin mill-esperjenza) jilqgħuhom b’idejhom miftuħa. Għalkemm malli jgħaddu x-xhur jindunaw li f’idejhom jibqgħalhom biss karrotta misjura u tinten.

Simon ħolom bil-ferrovija, il-GUG qalulu ‘Yesss grazzi’. Tafu ħbieb li din biex issir irid l-ewwel jirbaħ il-Gvern Simon, imbagħad jgħaddu snin ta’ studju ta’ kemm se jkun se jiswa l-proġett, wara jibda l-istudju ġeoloġiku, imbagħad naħsbu fit-tenders ta’ min se jħaffer fil-qiegħ tal-baħar u min se jibni l-ferrovija? Taf li sa ma jgħaddi dan iż-żmien kollu, intom l-istudenti tal-lum tafu tkunu nanniet?

Issa smajna wkoll li fuq in-naħa l-oħra se jgħaddu l-vapuri lil Gozo Ferry Ltd u tispiċċa l-kumpanija Gozo Channel. Fl-opinjoni tiegħi dawn huma ‘musical chairs’ biex taparsi qed noħolqu xi ħaġa ġdida. Wara kollox, il-vapuri tal-Gozo Channel, dejjem kienu tal-Gozo Ferries Ltd. Forsi l-kelma ‘ferries’ hi aktar ‘sexy’ u tagħti x’wieħed jifhem li fiha se tiħdol il-‘fast ferry’. Iżda tgħaġġlux studenti Għawdxin qabel tibdew iċċapċpu, għax għadna nistudjaw jekk nagħmlux tliet waqfiet: San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, u l-Belt Valletta...inkella nagħmluhiex.

Riżultat tad-distrett Għawdxi fl-aħħar elezzjoni
Riżultat tad-distrett Għawdxi fl-aħħar elezzjoni

U żommu ftit għax bħal speċi kien se jaħrabli. Minbarra ż-żgħażagħ, l-aktar li għafsu fuq il-mina kienu l-GBC (ll-kamra tal-Kummerċ Għawdxija) li ma naħsibx li tinteressahom il-ferrovija, għax dawn jinteressahom li l-merkanzija titwassal minn Għawdex lejn Malta u viċi versa bit-trakkijiet tagħhom, jekk ma ssirx xi ferrovija li tgħabbi t-trakkijiet fuqha. Jekk le, Simon xorta se tibqagħlu l-problema tan-negozjanti bil-ferrovija. Sadanittant nistennew li lejliet l-elezzjoni, Muscat iħabbar li l-istudji bdew...bil-ħaqq suppost dawk kellhom jibdew dan ix-xahar, f’Settembru, u għadni ma smajt xejn dwarhom.

Iż-żibel ma wiċċek fuq il-Gozo Channel (Ferry)

U la qegħdin fuq il-ferrovija, il-Gozo Channel u l-Gozo Ferry, ta’ min isemmi l-fatt kif fit-tmienja ta’ filgħodu, quddiemek issib ferrovija ta’ żibel, it-trakk enormi tal-Wasterserv, b’riħa tax-Chanel li tħallik bla nifs. Wara nofsiegħa pparkjat warajh taħt xemx tiżreġ nistenna l-vapur ġej biex jgħabbini b’riħa taqsmek ta’ żibel, insib ruħi pparkjat biswit din il-ferrovija taż-żibel b’riħa li mliet garaxx sħiħ. Il-vapur lejn Għawdex kellu jgħabbi l-ewwel numru ta’ turisti li jkunu telgħin Għawdex. Naħseb li din il-ferrovija taż-żibel għandha titgħabba mal-vapur tal-merkanzija, inkella ma’ dak tal-5 ta’ filgħodu u mhux ma’ tat-8am. Dan ukoll meta ma ssibx xi żewġ ferroviji oħra bit-tiġieġ li wkoll iġagħluk taħseb li qiegħed f’xi ħanut tal-fwieħa tal-ajruport. Sew it-trakkijiet tal-Wasteserv, tat-tiġieġ, majjali eċċ għandhom dritt jaqsmu l-fliegu iżda għandhom ikollhom vapuri jew ħinijiet allokati għalihom.

Il-‘ferrovija’ tal-Wasteserv tfewwaħ il-vapur t’Għawdex u dawk tal-madwar (Il-Ġimgħa 16 ta’ Settembru fuq il-ferry tat-8.15 a.m.)
Il-‘ferrovija’ tal-Wasteserv tfewwaħ il-vapur t’Għawdex u dawk tal-madwar (Il-Ġimgħa 16 ta’ Settembru fuq il-ferry tat-8.15 a.m.)

Il-kampanja Għawdxija tipproduċi raċanċ tal-karozzi

Hu sigriet magħruf li Għawdex jew aħjar il-kampanja Għawdxija, barra l-prodotti agrikoli mill-aqwa li toffri, l-għelieqi jipproduċu trakkijiet imkissra u msadda, karozzi mitluqa u kull tip ta’ karrijiet jew dgħajjes imfarrka. Huma ħafna l-partijiet f’Għawdex li ġew mibdula minn kampanja sabiħa għal ċimiterju tar-raċanċ. U dawn issibhom matul Għawdex kollu, speċjalment ħdejn il-heliport, ix-Xewkija u Għajnsielem. U mhux hekk biss, fit-toroq qed jitfaċċaw karozzi abbandunati fil-parkeġġi, fit-toroq residenzjali, mimlijin karti taċ-ċitazzjonijiet mal-windscreen u jitħallew hemm biex isebbħu l-ambjent. M’hemm l-ebda skuża li ma jafux bihom għax iċ-ċitazzjonijiet joħorġu. L-unika skuża li smajt kienet li l-pulizija m’għandhomx fejn ipoġġu dawn il-karrozzi abbandunati, allura nħalluhom parti mill-għamara tat-triq. Wasal iż-żmien li dawn il-karozzi, trakkijiet u raċanċ ieħor jiġu mibgħuta għall-iskrapp u mhux jitħallew bħala parti mill-patrimonju Għawdxi.

Mhux bilfors li s-suċċess Għawdxi jissarraf f’maġġoranza Laburista

Suċċess ekonomiku, suċċess fit-turiżmu, suċċess fl-infrastruttura, fit-toroq (minbarra fit-triq bejn l-Imġarr u n-Nadur), suċċess fil-kostruzzjoni u ‘feel good factor’ in ġenerali, jista’ ma jfisser xejn għall-partit fil-gvern, għax il-fatti juru li meta wieħed iqis kollox ma’ kollox, fl-agħar żmien tan-Nazzjonalisti meta kienu mgħaddsin fil-ħama, xorta rebħu f’Għawdex b’240 vot maġġoranza, fl-2013 u tilfu s-siġġu b’mod kontroversjali b’disa’ voti bejn Justyne Caruana u Frederick Azzopardi. U meta wieħed iqis li bħala norma ta’ kull elezzjoni, il-partit fil-gvern dejjem inaqqas, dan jista’ jfisser li n-Nazzjonalisti jkollhom il-maġġoranza ta’ voti u siġġijiet, anke jekk forsi mhux bl-ammont mixtieq, imma xorta maġġoranza.

Hemm min forsi jgħid li fl-elezzjoni tal-MEPs wara sena li l-Laburisti kienu qed jiggvernaw, il-maġġoranza marret fuq il-Labour, iżda wieħed ma jridx jinsa li fl-elezzjoni li ġejja, il-kaċċa mhux se tkun xi fattur rebbieħ. Għax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kien hemm l-Għawdxi, Clint Camilleri li kien imbuttat mill-FKNK u dan għen biex rebaħ ħafna voti tal-kaċċaturi Għawdxin li fl-elezzjoni li ġejja, jistgħu jivvutaw differenti.

Nerġa’ ntenni li Anton Refalo għamel xogħlu, ħadem ħafna għal Għawdex u l-Għawdxin u jista’ anke jżid fil-voti personali. Iżda l-voti mirbuħa minnu ma jfissrux li jkunu voti mirbuħa mill-PN jew mill-voti ġodda, iżda jistgħu jkunu ‘misruqa’ minn kandidati oħra Laburisti. Jekk il-Laburisti se jtellgħu żewġ kandidati, min se jkun it-tieni wieħed? Justyne Caruana li kemm ilha segretarju parlamentari żgur li rebħet ħafna u ħafna anzjani f’Għawdex, jew Franco Mercieca li forsi ftit jissemma iżda l-operazzjonijiet li qed jagħmel bla heda fuq għajnejn l-anzjani Għawdxin żgur li jħallih b’kuntatt kbir ma’ ħafna votanti, u fejn tidħol is-saħħa ma jidħol xejn iżjed. Ma ninsewx ukoll lil Joe Cordina li hu persuna maħbuba wkoll mal-Laburisti ‘ħomor’ Għawdxin u anke mal-votanti moderati. Minn dawn, jistfgħu jibqgħu barra tnejn jew wieħed.

Kollox jiddependi jekk il-PN isarrfux il-maġġoranza, żgħira kemm hi żgħira f’siġġijiet biżżejjed, u jidher li l-akbar problema tagħhom hi n-nuqqas ta’ heavyweights bi Chris Said mistenni jilħaq iċ-ċifra ta’ 5,000 vot fl-ewwel count, bl-oħrajn kollha jfittxu li jaqsmu l-unijiet ta’ Giovanna u dak li jħalli warajh Chris Said. Jista’ jkun li jekk (kif qed jissemma ħafna) joħroġ fuq Għawdex, il-kap Simon Busuttil ikun il-garanzija tat-tielet siġġu. F’Għawdex hemm min jgħid li anke jekk Giovanna Debono terġa’ tintalab biex toħroġ mal-PN (speċjalment jekk il-każ ta’ żewġha jinqata’ favur tiegħu sal-elezzjoni), il-PN huma garantiti mit-tielet siġġu għax Giovanna għadha maħbuba sew man-Nazzjonalisti Għawdxin u stmata wkoll mil-Laburisti Għawdxin.

Żgur li ż-żewġ naħat għandhom għalqa fertili għaż-żewġ partiti f’Għawdex. Importanti li ma jwegħdux iżjed wegħdi fiergħa iżda jibdew jitkellmu aktar bil-fatti milli bl-istudju.

More in Politika