"Insejjaħ għal Koalizzjoni Nazzjonali kontra l-Korruzjoni, miftuħa għal kull min għandu rieda tajba u li ma jridx jagħlaq għajnejh għall-korruzjoni." Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fid-diskors tiegħu waqt it-tieni attività politika bħala parti mill-festi tal-Indipendenza ta' din is-sena bit-tema Politika li Tista' Tafda. Simon Busuttil spjega kif qed ngħixu f'pajjiż fejn għandna l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta' Malta Indipendenti. Emfasiżża kif il-Gvern preżenti hu korrott mhux biss għax qed issir il-korruzzjoni imma korrott għax qed jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni, li hi agħar. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma kif mhux il-Partit Nazzjonalista biss qed jagħraf il-problema ta' korruzzjoni imma saħansitra anke l-awtorità dinjija Transparency Internernational li sejħet lill-Gvern ta' Joseph Muscat biex inaddaf il-mandra ta' korruzzjoni li nħolqot qabel Malta tieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropeja s-sena d-dieħla. Simon Busuttil ddeskriva l-elezzjoni ġenerali li ġejja bħala waħda bejn min hu ta' rieda tajba li jrid is-sewwa u min irid jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni.
Gvern ta' Muscat li hu anti-demokratiku
Fid-diskors tiegħu Simon Busuttil appella lil Joseph Muscat biex jaċċetta u jirrispetta l-vot tal-Parlament Ewropew li vvota kontra n-nomina ta' Leo Brincat għall-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropeja. Huwa emfasiżża kif jekk ma jaċċettax id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, Joseph Muscat mhux biss ikun qed imexxi Gvern korrott imma wkoll Gvern anti-demokratiku. Simon Busuttil żied li n-nomina ta' Leo Brincat għamlet ħsara kbira għal Malta u d-deċiżjoni ta' Joseph Muscat li jinjora l-vot tal-Parlament Ewropew tkompli tgħarraq isem Malta.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied kif bħalma l-poplu afda l-kelma tiegħu fid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja, issa qed jitlob il-fiduċja tal-poplu biex imexxi l-pajjiż u jnaddaf is-sistema politika f'Malta darba għall-dejjem. Simon Busuttil appella biex jingħata ċ-ċans li jipperswadi lill-elettorat li jixraqlu l-fiduċja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddeskriva dan il-kapitlu tal-Partit Nazzjonalista bħala wieħed ġdid li fih il-Partit Nazzjonalista qed ilesti biex meta tiġi l-elezzjoni ġenerali l-Partit Nazzjonalista jkun lest biex jirbaħ l-elezzjoni.