'In-Nazzjonalisti se jippruvaw jimminaw il-presidenza Maltija tal-EU'

'L-Oppożizzjoni jinteressaha biss mill-kalkoli meskini li tagħmel.'

Alfred Sant, Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew wissa lill-Gvern Malti li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun lesta tuża l-istess metodi u l-istess strateġiji biex timmina l-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea bħal ma għamlet lil Leo Brincat, “Tal-PN se jippruvaw jimminaw lill-Gvern Malti għax ma jimportahom xejn mill-isem u l-ġieħ ta’ pajjiżna. L-Oppożizzjoni jinteressaha biss mill-kalkoli meskini li tagħmel.” 

Dr Sant qal li b’dak li ġara lil Leo Brincat mar tletin sena lura meta bħala President tal-Partit Laburista fil-Kunsill tal-Ewropa kien jara lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista tgħaddi misinformazzjoni dwar Malta biex jitbaxxa isem il-Gvern Laburista u l-ġieħ ta’ Malta.

Alfred Sant qal li l-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew fil-bidu kien qallu li kien jistenna li Leo Brincat se jiġi kkunsidrat mill-Parlament Ewropew fuq il-merti tal-karriera u l-esperjenza tiegħu.  Tant li David Casa irranġalu laqgħat ma’ deputati tal-Partit tal-Popolari, li fil-Parlament Ewropew għandu l-akbar numru ta’ membri.

Brincat nieda sensiela ta’ laqgħat ma’ deputati tal-Parlament Ewropew fl-uffiċċji tagħhom biex jippreżenta ruħu. “Ħdimna miegħu f’dan jien u d-deputati sħabi Laburisti Marlene Mizzi u Miriam Dalli.”

Għal xi żmien ġara kif kien mistenni; Leo Brincat tqies bħala professjonist tal-finanzi u tal-politika. “Naf għax qaluli hekk deputati li kienu kellmuh. Wara xi ġimgħat iżda l-logħba nbidlet. Min kien kontra n-nomina... u kienu nies minn Malta... dawwarha billi ra kif iċappas lil Brincat mal-iskandlu tal-karti tal-Panama. Għamel dan billi xerred u kabbar l-istorja li hu kien ivvota fil-Parlament Malti b’mod li pproteġa lil min waqqaf kumpaniji fil-Panama u bil-vot tiegħu kien kruċjali biex din il-protezzjoni sseħħ.”

Ġara li l-laqgħa tal-kumitat biex tisma’ lil Leo Brincat ħabtet it-Tnejn ta’ wara r-referendum Brittaniku tal-Brexit. F’dik il-ġurnata, il-laqgħat kollha tal-Parlament Ewropew tħassru biex isiru diskussjonijiet dwar ir-riżultat tar-referendum. U s-smigħ tiegħu mill-kumitat ġie pospost wara l-vaganzi tas-sajf. Sal-waqt meta kellu jsir is-smigħ, b’mod ġenerali l-impressjoni tiegħu li kellhom id-deputati Ewropej tal-kumitat tal-kontroll baġitarju kienet tajba għal tajba ħafna. Matul il-ġimgħat meta kulħadd tferrex għall-vaganzi tas-sajf, din l-impressjoni ċċaqalqet mhux ftit. Jien infurmat li fl-istess żmien, lill-biċċa l-kbira tad-deputati baqgħet titwassal informazzjoni malafamanti dwar ir-rabta tiegħu mal-iskandlu tal-Panama.

Meta spiċċaw il-vaganzi tas-sajf u Brincat resaq għas-smigħ, is-sinjal tal-ewwel votazzjoni kien ċar: il-Popolari daru kontra n-nomina ta’ Leo. Jumejn wara l-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista kkonferma lil Dr Sant li dan kien minħabba l-istorja tal-Panama. It-Tnejn ta’ wara Casa infurmah li l-PN kien iddeċieda li bid-deputati Ewropej tiegħu, jivvota kontra n-nomina ta’ Brincat. Ir-raġuni kienet il-konnessjoni ta’ Brincat mal-iskandlu tal-karti tal-Panama. Kienet ħaġa ċara minn hekk li l-Popolari se jivvotaw kontra n-nomina, li se jsegwu l-passi tal-PN.

More in Politika