'Ma kien hemm l-ebda donatur kbir fl-iskema Ċedoli...kienu kollha nies normali'

Ann Fenech qalet li la Żaren Vassallo, la l-operaturi tal-fish farms u lanqas id-donaturi l-kbar ma kienu parti miċ-Ċedoli

Ann Fenech assigurat li l-ebda minn dawk in-negozjanti kbar li s-soltu jkunu d-donaturi l-kbar, ma ħadu sehem fl-iskema Zedoli, iżda sostniet li kien hemm mal-250 persuna li avviċinat lill-Partit Nazzjonalista u ħadu sehem fiċ-Ċedoli.

Il-President tal-Eżekuttiv tal-PN, Ann Fenech, f'intervista mal-gazzetta The Malta Independent tkellmet dwar l-iskema Ċedoli tal-PN u assigurat li l-persuni li avviċinaw lill-PN fuq din l-iskema kienu "persuni estremament normali". Meta mistoqsija jekk Żaren Vassallo kienx parti minn dawk il-persuni li sellfu l-flus lill-PN f'din l-iskema, Fenech ċaħdet dan u qalet li lanqas ma kien hemm operaturi tal-fish farms jieħdu sehem.

Minkejja dan, Fenech qalet li "fejn gġandhom x'jaqsmu ammonti massimi, kien hemm żewġ persuni li tawna €30,000 kull wieħed għaċ-ċedoli u dawn huma t-tnejn li huma pensjonanti u ma jaħdmux."

Fenech saħqet ukoll li l-Partit mhux se jkun marbut li jagħmel il-pjaċiri lil dawk in-nies li qed jagħtu flushom minħabba li l-flus se jingħataw kollha lura, u n-nies ikunu diġà tħallsu permezz tal-interessi.

Filwaqt li ggarantiet li l-flus se jingħataw lura "għaliex marbutin b'kuntratt," Ann Fenech saħqet li kien hemm rispons u konkorrenza qawwija għal din l-iskema, u dalwaqt se jintlaħaq l-ammont €3 miljuni, li huwa l-ammont li l-PN qed jimmira għalih u se jagħlaq l-iskema ġaladarba jilħqu.

Meta mistoqsija dwar l-ammont li l-PN għandu f'dejn, Fenech qalet li dan kien ammont li ma setgħetx tiżvela.

 

More in Politika