Aktar minn 30 lukanda fiż-żona ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra u x-Xemxija għalqu l-bibien tagħhom f'dawn l-aħħar 15-il sena.
Il-gazzetta l-orizzont irrappurtat kif minkejja s-suċċessi u r-rekords li pajjiżna qed jikseb fil-qasam turistiku, dawn il-lukandi għalqu l-bibien tagħhom, waqt li oħrajn espandew u ġew rinovati biex jakkomodaw iktar nies.
Fost il-lukandi li għalqu, hemm dawk li ġew imwaqqa' u minflok, inbnew appartamenti. Minkejja dan, hemm oħrajn li sa issa għadhom magħluqa u qed ikerrħu l-ambjent tal-madwar, f'żona daqstant turistika minħabba li issa spiċċaw bħala post mitluq, u kalamita għall-vandaliżmu. Fost dawn il-lukandi, hemm il-lukanda Limelight u l-International Club Hotel li jinsabu verament fiċ-ċentru tal-attività turistika ta' Buġibba, bl-International Hotel tkun eżattament quddiem il-baħar. Din il-lukanda kienet ukoll issemmiet għal diversi drabi minħabba li minn mindu għalqet snin ilu, l-istruttura bdiet tiddgħajjef, u spiss kien hemm każi fejn biċċiet mill-gallariji li jagħtu għat-triq residenzjali waqgħu fuq il-bankina, b'riskju għat-tant persuni foshom turisti li jgħaddu minn hemmhekk.