Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun indirizzatha mill-Ministru Manwel Mallia u mis-Segretarju Parlamentari Ian Borg intqal kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għandu jgħid jekk jaqbilx mal-Gvern jew mal-PPE dwar konvenzjoni li tista’ tpoġġi f’periklu s-settur tal-gaming f’pajjiżna.
Il-Ministru għall-Kompetittività Manwel Mallia spjega kif l-industrija tal-gaming f’pajjiżna tammonta għal 11% tal-prodott domestiku gross, tiġġenera €700miljun fis-sena b’mod dirett fl-ekonomija u tħaddem mat-8,000 ruħ. Il-Ministru saħaq li Malta mhux kontra t-trattat fuq il-korruzzjoni tal-isport, iżda mhux qed taqbel ma’ definizzjoni li hemm f’din il-konvenzjoni biex tiddeskrivi l-logħob illegali, fejn il-kumpanija tal-gaming trid tkun reġistrata fil-pajjiż minn fejn qed jilgħab il-ġokatur. Dr Mallia qal li Malta bilfors ma tistax taqbel ma’ din id-definizzjoni għax is-settur tal-gaming jista’ jitpoġġa f’periklu u għaldaqstant qed iżomm milli jkun iffirmat. Aħna suċċess f’din l-industrija u hemm min qed jipprova jfixxkel, stqarr Manwel Mallia.
Il-Ministru Mallia stqarr li l-Partit Popolari Ewropew li miegħu hemm affiljat il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil qed jitkellem fuq din il-konvenzjoni, iżda qiegħed jispeċifika kull darba l-isem ta’ Malta. Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jgħid x’pożizzjoni se jieħu, jekk hux il-pożizzjoni li ħa l-Gvern u allura kontra l-Partit tiegħu fil-Parlament Ewropew. Simon Busuttil għandu jagħti direzzjoni ċara lill-Membri Parlamentari Ewropej tiegħu biex jappoġġjaw il-pożizzjoni tal-Gvern Malti, saħaq Dr Mallia.
Min-naħa tiegħu Dr Borg għamel referenza għal sessjoni tal-Parlament Ewropew il-Ħamis li għadda fejn kien hemm tliet membri Parlamentari Ewropej tal-PPE li tkellmu b’mod dirett fuq Malta u din il-konvenzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li Simon Busuttil tkellem ħafna fuq l-influwenza tiegħu fil-Parlament Ewropew u stqarr li dan l-aħħar rajna l-manuvri li saru, iżda issa din l-influwenza li qed jgħid li għandu se jużaha biex din id-darba flok jagħti l-gambetti lil Malta jgħin lill-pajjiżna?. Sa issa għadna qed nistnnew lil Simon Busuttil jgħid x’ser jagħmel temm jgħid Ian Borg.