Is-Soċjalisti Ewropej qablu unanimament li jivvutaw favur Leo Brincat

Il-Kap tas-Soċjalisti jgħid li jekk jara li il-PPE se jkompli għaddej b’mod partiġġjan fil-voti dwar nomini fil-Parlament Ewropew, l-S&D se jkun kostrett li jagħmel l-istess

Il-Kap tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew (S&D) Gianni Pittella iddeplora l-atteġġjament partiġġjan tal-Partit tal-Popolari Ewropew (PPE) u qal li kontra dak li jemmen fih, jara li jekk il-PPE se jkompli għaddej b’mod partiġġjan fil-voti dwar nomini fil-Parlament Ewropew, l-S&D se jkun kostrett li jagħmel l-istess. Dan qalu Alfred Sant, Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew b’reazzjoni għall-akkużi malizzjużi tal-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew dwar il-vot tas-Soċjalisti u Demokratriċi dwar in-nomina ta’ Leo Brincat.  Dr Sant qal li stagħġeb  bir-referenzi malizzjużi u infondati li għamlu Casa u sħabu għal kif ivvotaw il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi waqt il-plenarja, fir-rigward tal-kandidatura ta’ Leo Brincat.

Dr Sant qal li fil-maġġoranza enormi tiegħu, il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) vvota favur il-kandidatura ta’ Leo Brincat. Dr Sant qal li fil-laqgħa tal-grupp tad-deputati tal-S&D li saret qabel il-vot dwar in-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti  Ewropea tal-Awdituri fil-plenarja tal-Parlament Ewropew, kien hemm ftehim unanimu biex il-vot tal-S&D ikun favur Leo Brincat. Ħadd ma tkellem kontra.

“Ikolli nistqarr l-għaġeb tiegħi bil-messaġġ li ħareġ illum il-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, fejn qal li jekk is-Sur Leo Brincat isostni l-kandidatura tiegħu għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, dan ikun affront lill-Parlament Ewropew.

“Stagħġibt għal din ir-raġuni, qal Dr Sant:

Fl-ewwel laqgħa li kelli mal-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fejn iddiskutejna kif hu kien se jirranġa appuntamenti bejn is-Sur Brincat u membri tal-Partit tal-Popolari Ewropew rigward il-kandidatura tiegħu, qalli dan:

“Leo Brincat m’għandux jirrepeti l-“iżball” ta’ Dottor Toni Abela u m’għandu jagħmel l-ebda wegħda li se joqgħod għall-vot tal-Parlament Ewropew.” Dr Sant fakkar li skont Casa dakinhar, is-Sur Brincat kellu jkun lest biex jekk tinqala’ xi ħaġa negattiva fil-proċeduri tal-Parlament Ewropew, kellu jkompli sal-aħħar tal-ħatra tiegħu u joqgħod għad-deċiżjoni mill-Kunsill tal-Ministri.“Hu preċiżament dan li qed jagħmel Leo Brincat, skont il-parir li kien tana l-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista. Mhux sew li ngħidu ħaġa meta nkunu wiċċ imb’wiċċ, u ngħidu oħra meta nkunu fil-beraħ.”

 

More in Politika