"Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern iwettaq ġustizzja ma' kull min saret inġustizzja miegħu, fejn kull min sofra l-inġustizzja jieħu dak li ħaqqu filwaqt li min wettaq l-inġustizzja jħallas għal għemilu"
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fid-diskors tiegħu waqt it-tielet attività politika bħala parti mill-festi tal-Indipendenza ta' din is-sena bit-tema Nirnexxu lkoll Flimkien.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista emfasiżża li l-politika qegħda hemm biex tkun tarka taċ-ċittadin u mhux biex wieħed iħaxxen butu. Hu żied li dan hu dak li għamel il-Partit Nazzjonalista matul is-snin u dak li kompla jagħmel fl-aħħar tlett snin fejn serva ta' tarka għaċ-ċittadini fl-għexieren ta' skandli li twettqu mill-Gvern immexxi minn Joseph Muscat. Fost l-iskandli mill-Gvern Laburista, Simon Busuttil semma l-iskandlu tal-Café Premier, l-ogħti t'art fiż-żona taż-Żonqor, l-ogħti ta' permessi għall-bini f'żoni barra l-iżvilupp, l-ogħti ta' permessi għal high rise buildings fl-Imrieħel u dak f'Townsquare u l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma kif taħt il-Gvern ta' Joseph Muscat tant saru skandli li l-poplu qed jitlef kont tagħhom.
Simon Busuttil żied kif minbarra li ta vuċi liċ-ċittadini fuq livell nazzjonali, l-Partit Nazzjonalista kien il-partit li emmen fir-rwol tal-Unjoni Ewropeja li ssaħħah il-vuċi taċ-ċittadin u ta vuċi liċ-ċittadini fil-Parlament Ewropew permezz tal-membri tal-Parlament Ewropew f'isem il-Partit Nazzjonalista.
Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jkun tarka għaċ-ċittadin
Simon Busuttil semma kif il-Partit Nazzjonalista qed jagħti vuċi u se jkompli jaghti vuċi lil dawk li qed isofru inġustizzja għax għandhom twemmin politiku differenti jew għax mhumiex fil-klikka tal-Gvern preżenti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ikompli jkun ta' tarka għaċ-ċittadini. B'mod konkret dan jagħmlu billi jwaqqaf Ministeru għad-Drittijiet taċ-Ċittadini li jassigura d-drittijiet taċ-ċittadini u li jwaqqaf id-diskriminazzjoni, li jagħti ġustizzja lil min sofra l-inġustizzja u li jara li min wettaq l-inġustizzja jħallas għal għemilu. Simon Busuttil żied li permezz tat-twaqqif ta' Ministeru għad-Drittijiet taċ-Ċittadini, wieħed ma jkollux għalfejn jitkarrab biex jieħu dak li ħaqqu.
Filwaqt li rrefera għall-proposti tal-Partit Nazzjonalista fid-dokument dwar Politika Nadifa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied li Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jsaħħah il-poteri tal-Ombudsman u jorbot lilu nnifsu li jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-Ombudsman. B'hekk ċittadin li jħossu aggravat jingħata opportunità li jitlob rimedju minn istituzzjoni ndipendenti.
Il-Partit Nazzjonalista jaħseb f'kulħadd u mhux fil-ftit
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma kif qed jiltaqa' ma' numru ta' nies ta' twemmin politiku Laburista li qed iħossu li l-Gvern Laburista ta' Joseph Muscat mhux qed jirrapreżenta t-twemmin tagħhom u jħossu li l-Partit Laburista sar partit falz, li biegħ ruħu u spiċċa bla ruħ. B'kuntrast, huma qed jaraw fil-Partit Nazzjonalista partit li jaħseb f'kulħadd u mhux fil-ftit.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla kif il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jqum fuq saqajh biex meta terġa tiġi l-elezzjoni ġenerali li jmiss, tkun meta tkun, il-Partit Nazzjonalista jkun lest u jirbaħha.
L-attivitajiet jilħqu l-qofol tagħhom fil-mass meeting fuq il-Fosos tal-Furjana għada l-20 ta' Settembru li se jkun indirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.