Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ għall-ewwel darba mal-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit Theresa May f’laqgħa bilaterali waqt l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Il-laqgħa saret fl-isfont tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, fejn ġiet diskussa t-triq ‘il quddiem għar-Renju Unit.
Il-Prim Ministru qal li din is-sena se tkun kruċjali għall-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit għax tkun is-sena fejn aktarx ir-Renju Unit itellaq il-proċess biex jitlaq mill-Unjoni. Fl-ewwel sitt xhur tas-sena Malta jkollha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, allura hemm il-possibilità li dan il-proċess jaqa’ taħt il-Presidenza Maltija.
"Irridu nkunu ċerti li l-proċess ikun fair għaż-żewġ naħat. Irridu li r-Renju Unit ikollu a fair deal għall-ħruġ mill-Unjoni Ewropea, iżda ma jistax ikollu ftehim li jkun aħjar mis-sħubija. Kwalunkwe ftehim irid ikun viżibilment, u b’mod ċar, inferjuri għal sħubija fl-Unjoni Ewropea," qal Joseph Muscat.