Bejn proposta u oħra: X’qed jgħidu ż-żewġ unions
Il-proposti tal-GWU u l-UĦM għall-baġit... L-ILLUM tikkumpara
minn Albert Gauci Cunningham
Sa nhar il-Ħamis li għadda kienu daħlu ż-żewġ settijiet ta’ proposti li qed jagħmlu r-rappreżentanti tal-ħaddiema, primarjament il-General Workers Union u l-Union Ħaddiema Magħqudin-Voice of the Workers. L-ILLUM tat ħarsa estensiva lejn iż-żewġ settijiet ta’ proposti u bejn proposta u oħra sabet li minkejja l-bruda u d-differenzi li jista’ jkun hemm bejn dawn iż-żewġ unions, fil-proposti qegħdin ftit jew wisq jitkellmu l-istess bl-istess lingwaġġ.
Din il-gazzetta qabdet ftit mit-temi li huma komuni bejn iż-żewġ unions u oħrajn li mhumiex u tagħti ħarsa ħafifa lejn dak li qed jitolbu l-akbar żewġ unions f’pajjiżna, li bejniethom jirrapreżentaw eluf kbar ta’ ħaddiema minn kull qasam.
Ekonomija
Kemm il-GWU kif ukoll il-UĦM jirrikonoxxu l-fatt li pajjiżna bħalissa għaddej minn fażi ekonomika pożittiva ħafna. Il-GWU hija iktar pożittiva u ssemmi l-aħħar ċifri pożittivi ta’ tkabbir qawwi li qed jesperjenza pajjiżna kif ukoll rati baxxi ta’ qgħad. Il-UĦM hija aktar kawta u tfakkar li t-tkabbir is-sena d-dieħla se jkun b’rata inqas.
Il-GWU titlob li dan il-ġid jintlaħaq minn kulħadd, imma ma tipproponix kif dan għandu jsir. Il-UĦM titlob li jkun rivedut il-Household Budgetary Survey biex jirrifletti aħjar il-bżonn tal-lum u li l-Gvern ikun iktar innovattiv, milli jbigħ il-passporti meta joħloq niċċeċ ekonomiċi ġodda.
Żieda fil-paga minima
Kemm il-GWU u anke l-UĦM, iżommu ’l bogħod milli fil-fatt jipproponu żieda fil-paga minima, kwistjoni li reġgħet qamet wara r-rapport tal-Caritas iktar kmieni din is-sena.
Iż-żewġ unions jaqblu iżda li l-Gvern għandu jistudja l-possibbiltà li tkun stabbilita living wage, jew il-paga meħtieġa biex persuna tkun tista’ tgħix ħajja diċenti u jkollha dak kollu li huwa bażiku.
Festi Pubbliċi
Iż-żewġ unions tal-ħaddiema jaqblu li għandu jingħata rimedju għall-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa. Il-GWU qed tesiġi li fid-dawl ta’ riżultati ekonomiċi tajbin ħafna, il-Gvern għandu jerġa’ jagħti lura dawn il-festi bħala ġranet leave lill-ħaddiema.
Il-UĦM qed titlob, minflok, li kollox jibqa’ kif inhu u l-Gvern jagħti kumpens li jvarja minn minimu ta’ €90 sa massimu ta’ €200, skont id-dħul tal-ħaddiema.
Trasport
Dwar dan il-qasam, iż-żewġ union qalu ftit li xejn. Kemm il-GWU u anke l-UĦM jirrikonoxxu li kien hemm titjib fit-trasport pubbliku. Il-GWU titlob għal aktar xelters, filwaqt li l-UĦM tisħaq dwar l-importanza ta’ strateġija dwar it-trasport.
Sick Leave
Iż-żewġ unions għandhom proposti interessanti dwar il-leave tal-mard. Il-GWU qed tipproponi l-introduzzjoni tal-leave mediku, li jmur oltre mill-leave normali tal-mard u li jingħata lil dawk li għaddejjin minn kura tal-kanċer, jew mard simili.
Il-UĦM qed tipproponi li l-leave tal-mard tas-sena ta’ qabel li ma jkunx ġie utilizzat, jingħata biss fis-sena ta’ wara f’każ ta’ mard serju fit-tfal jew il-qraba tal-ħaddiem.
Pensjonijiet
Il-GWU qed tipproponi żieda fil-pensjoni kontributorja b’mod ugwali għal kulħadd, li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja jkun l-istess għal kulħadd u li l-inċentivi għal min irid jibqa’ jaħdem wara l-età tal-irtirar ikunu estiżi għal dawk fis-settur pubbliku wkoll.
Il-UĦM qed tinsisti li tkun introdotta l-pensjoni tax-xogħol (Second Pillar Pension), jiġifieri li jkun hemm żieda fil-bolla biex issostni l-bidliet demografiċi. Tipproponi wkoll li jkunu indirizzati anomaliji kontra dawk li bdew jaħdmu mal-Gvern qabel l-1979 u li l-inqas pensjoni m’għandhiex tkun inqas mill-paga minima.
In work benefit
Kemm il-GWU kif ukoll il-UĦM qed jipproponu li jiżdied il-benefiċċju tal-inwork benefit biex ikun assigurat li min qiegħed fid-dinja tax-xogħol, jibqa’ jkun ippremjat.