'Agħti, kbir Alla, id-dehen lil min jaħkimha'...

Fl-omelija għal jum l-Indipendenza, l-Isqof Scicluna jitkellem fuq il-Prinċipji fundametali għall-governanza tajba tal-pajjiż

Waqt l-omelija għal jum l-Indipendenza, l-Isqof Scicluna tkellem fuq il-valuri li l-umanità għandha tfittex fil-ħajja lil hinn mir-realtà ta’ kuljum. L-isqof semma l- valuri traxxendentali li huma “il-wieħed”, “it-tajjeb”, “il-veru” u “is-sabiħ” u kkompara kull wieħed minn dawn il-valuri mal-governanza tal-pajjiż.

L-isqof spjega kif il-punt tiegħu huwa li fl-1964 Malta saret stat indipendenti b’post li hu bi dritt tagħha fis-soċjetà tan-nazzjonijiet. Il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza tadotta fiha l-lista tal-prinċipji fundamentali tagħha u l-lista tad-drittijiet u l-aspirazzjonijiet fundamentali tagħha.

Iżda l-poplu Malti, organizzat bħala Stat, iħares u jippromwovi l-ġid komuni sakemm u daqskemm jaqsam fl-aspirazzjonijiet traxxendentali tal-familja tal-bnedmin fit-tħaddim ta’ kuljum tal-awtorità, fis-setgħat, fil-governanza tal-istat.

L-isqof  ipproponi l-erba’ valuri traxxendentali l-unità, it-tjubija, il-verità u s-sbuħija bħala kriterju għal governanza tajba, dik il-governanza li hi denja tal-familja umana u li l-politika trid, wieħed jittama, taspira għaliha.

L-unità li hija mnissla “wieħed”

Il-gvern tal-istat għandu jkun l-ewwel u qabel kollox mibni fuq it-tiftix tal-unità nazzjonali. Il-governanza li tifred, li hija mibnija fuq il-privileġġ tal-ftit jew li tippromwovi bla skruplu lealtà lejn partit politiku iktar milli lejn l-Istat, hija tradiment u velenu għall-ġid komuni tas-soċjetà. Kull ċittadin, taħt ir-regola tal-liġi bħal espressjoni tal-ġid komuni, għandu d-dritt li jkollu sehem mill-għana kollu tal-Istat u jibbenefika mis-servizzi tal-gvern, hu min hu jew hi min hi. Fi kliem ieħor, it-taqtigħa kontra d-diskriminazzjoni inġusta hija ġlieda għall-għaqda nazzjonali.

It-tjubija bħala espressjoni tat-“tajjeb”

Il-ħajja morali tinġabar fl-espressjoni bażika: fittex it-tajjeb u evita l-ħażin. Ir-raġuni tal-bniedem tgħallimna li dan huwa l-pedament ta’ ħajja umana awtentika. Is-sistemi politiċi li jippretendu li jistgħu jwarrbu l-esiġenzi morali tal-bniedem jispiċċaw biex isiru karikaturi mostrużi ta’ gvern Statali.

Meta l-ġid komuni jiġi ssagrifikat fuq l-artal tal-egoiżmu tal-ftit, mibni fuq il-kilba bla rażan għall-ġid materjali li lest li jgħaffeġ lil kollox u lil kulħadd - f’dak il-każ - nistgħu ngħidu li l-Istat huwa marid. L-Istat għandu jrażżan sewwa r-rebgħa tal-ftit li jaħsbu biss biex iħaxxnu buthom b’detriment tal-ħafna.

Il-verità bħala sehem fil-“veru”

Mhux daqshekk diffiċli li wieħed jasal għar-rabta li hemm bejn il-verità u l-valuri l-oħra tal-ekwità, tal-ġudizzju rett u tal-ġustizzja. Hemm istint primordjali f’kull wieħed u waħda minna li jgħallimna li dawn l-attitudnijiet huma msejsa fuq il-verità: fuq il-verità tal-fatti.

Il-governanza mibnija fuq it-tgħawwiġ tal-verità, fuq il-ftehimiet oskuri u fuq ir-rifjut stinat tal-iskrutinju tal-pubbliku, minkejja l-ħafna liġijiet u wegħdiet solenni, ma tista’ qatt tkun ikkunsidrata bħala governanza tajba. Gvern mibni fuq l-Idea Orwelljana li tiddisprezza l-verità, jiġi żmien meta jiġġarraf.

Min-naħa l-oħra, it-Trasparenza u l-Kontabilità fil-governanza huma valuri li jagħmlu lilna l-Maltin, poplu tassew kburi bil-Gvern tiegħu.

Is-sbuħija bħala espressjoni ta’ “dak li hu sabiħ”

“Ma nafx sa fejn ix-xjenza politika tistudja r-relazzjoni bejn il-governanza tajba u s-sbuħija, imma jien nixtieq nitkellem dwar l-għerf tal-qalb”

Din l-espressjoni tiġbor flimkien element ta’ verità (l-għerf) u element ta’ tjubija (il-qalb): Il-Verità u t-Tjubija li jwasslu għall-għerf tal-qalb. L-isqof qal li hu konvint li kull ċittadin, li huwa ffurmat u mħarreġ fil-verità u t-tjubija, jirnexxilu biż-żmien jiżviluppa fih innifsu dak l-għerf tal-qalb li jġiegħlu jġib ’il quddiem u jħares is-sbuħija tal-arti, tal-arkitettura, tal-ambjent.

Hawnhekk l-isqof għamel mistoqsija dwar jekk it-tkerrih tal-wirt naturali u storiku tagħna huwa sinjal ċar ta’ nuqqas ta’ għerf tal-qalb? Gvern li ma jehdiex jistinka biex iħares u jirrestawra l-wirt tagħna, li b’entużjażmu jiddefendi s-safa tal-ibħra tagħna, li jippermetti biss żvilupp sostenibbli huwa Gvern li għandu għal qalbu s-sbuħija, li jesprimi l-għerf tal-qalb tan-nazzjon, id-dehen sabiħ ta’ din l-Art Ħelwa.

L-isqof temm l-omelija tiegħu b-espressjoni li tfakkaru fit-talba li nlissnu b’qalb waħda fl-Innu Malti:

“Agħti, kbir Alla, id-dehen lil min jaħkimha”

More in Politika