Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-proġetti infrastrutturali li se jwettaq il-Gvern fix-xhur li ġejjin fil-bini tal-Qorti bil-għan li jiżdiedu iktar faċilitajiet u jkompli jitnaqqas id-dewmien.
Waqt Konferenza Stampa fl-Arkivju tal-Qorti Ċivili, il-Ministru Owen Bonnici saħaq fuq l-importanza li dan il-Gvern ikompli jaħdem bis-sħiħ favur aktar effiċjenza fil-qasam tal-Ġustizzja u sostna li huwa kruċjali li l-ġudikanti jingħataw il-faċilitajiet li hemm bżonn biex isir dan.
Huwa qal li l-Gvern digà wettaq sensiela ta’ riformi legali iżda sostna li ma’ dawn ir-riformi hemm il-ħtieġa li jkun hemm investiment infrastrutturali. Għaldaqstant, matul is-sena 2017 se jitlestew tliet awli ġodda fil-Qorti minn fejn Magistrati u Imħallfin jistgħu jisimgħu l-kawżi. Dan ifisser li se jinstemgħu iktar kawżi, jingħataw iktar sentenzi u għalhekk id-dewmien se jkompli jonqos.
Sabiex dan seta’ jsir kellha ssir rilokazzjoni ta’ parti mill-Arkivju tal-Qorti Ċivili għal binja oħra fil-Furjana kif ukoll rilokazzjoni tal-librerija u training room mis-sular ta’ fuq għal biswit l-Arkivju tal-Qorti Ċivili. L-awla l-oħra se ssir minflok l-uffiċċju li kien jintuża mill-Prim Imħallef.
Il-Ministru qal li sabiex iż-żewġ awli ta’ fuq ikunu aktar aċċessibli, matul din is-sena inbnew ukoll żewġ lifts ġodda.
Dan kollu, tenna l-Ministru, se jkun frott ta’ investiment ta’ ftit aktar minn 750,000 ewro.