L-AD kuntenta bir-revoka tal-permessi tal-'fish farms'

Wara li ġew revokati l-permessi għal erba' operaturi ta' fish farms tat-tonn, Alternattiva Demokratika tfaħħar din d-deċiżjoni, anki jekk tibqa' turi kawtela

L-AD tfaħħar ir-revokata tal-permessi ta' erba' fish farms
L-AD tfaħħar ir-revokata tal-permessi ta' erba' fish farms

Fi stqarrija maħruġa mill-Alternattiva Demokratika ġiet imfaħħra d-deċizzjoni sabiex jiġu revokati l-permess ta’ erba’ ‘fish farms’. L-AD sostniet li nuqqas ta' infurzar ta' veru, speċjalment fil-qasam ambjentali, ilha karatteristika normali għall-awtoritajiet Maltin.  Bħala riżultat ta' dan in-nuqqas ta' infurzar l-ambjent tagħna jinstab f'qagħda ddegradata għall-aħħar.

L-operaturi tal-fish farms m'huma l-ebda eċċezzjoni għal din l-imġiba u ilhom jiksru l-kundizzjonijiet tal-permessi tagħhom għal bosta snin, bir-riżultat li kien hemm bosta ordnijiet ta' infurzar li ġew injorati minn dawn l-operaturi. 

“Wieħed mill-impatti negattivi ta' dan kollu kien il-kontaminazzjoni tal-ibħra tagħna minn ragħwa żejtnija, b'konsegwenza li n-nies ma setgħux jgħumu.  Ħsara kbira għan-nies u anki għall ekonomija lokali bbażata fuq it-turiżmu. Kellha tkun l-għajta mġarrba tan-nies biex tqajjem lill-awtoritajiet mill-apatija, u biex dawn jieħdu azzjoni" qal Simon Galea, kelliem ta' AD dwar Agrikoltura u ħarsien tal-annimali.

"Waqt li nifirħu lill-Awtorità tal-Ippjanar talli rrevokat il-permessi, AD tibqa' xettika minħabba l-ħafna ordnijiet ta' infurzar tal-imgħoddi li baqgħu injorati.  Li tirrevoka l-permessi ta' l-operat hija ħaġa, filwaqt li tabilħaqq jieqfu dawn l-attivitajiet illegali hija ħaġa oħra.  Il-ġustizzja ambjentali titwettaq biss meta dawn l-attivitajiet illegali jieqfu darba għal dejjem. Jekk l-operaturi mhux ser jikkoperaw, allura għandhom jittieħdu miżuri konkreti, inkluż l-irmunkar 'l barra mix-xtajtiet tal-gaġeġ tat-tonn u l-ħelsien tat-tonn maqbud, ħaġa li sal-lum l-ebda amministrazzjoni ma kellha l-kuraġġ tagħmel", temm jgħid Simon Galea.

More in Politika