Hekk kif Kamp Emerġenza Ambjent telaq mill-Belt Valletta bid-dgħajjes flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Gżira u diversi sajjieda mill-Gżira sabiex jopponu għan-nuqqas ta' aċċess lill-pubbliku fuq Manoel Island, l-Awtorità tal-Ippjanar fetħet protest ġudizzjarju kontra l-kumpanija MIDI.
F’dan il-protest, iffirmat mill-Avukat Ġenerali u l-Assistent Avukat Ġenerali, il-Gvern qal illi MIDI plc m’hijiex qiegħda timxi skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ ċens illi hija għandha mal-Gvern dwar art f’Manoel Island. Dan għaliex il-kumpanija MIDI plc m’hijiex qegħda tħalli aċċess minn Manoel Island għall-partijiet ta’ xatt il-baħar li ma ġewx mgħoddija lill-kumpanija.
Fil-protest, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li kien hemm ksur tal-kontrolli tal-ippjanar, li jikkonsistu f'erba' gradi li twaħħlu ma' Manoel Island u waqqfu l-aċċess fuq il-gżira.
L-Awtorità ħarġet ordni ta' infurzat sabiex jitneħħew erba' gradi li jwaqqfu l-aċċess, u tat lill-kumpanija MIDI, 16-il ġurnata sabiex dan isir.
Fil-protest intqal ukoll li ġaladarba dan ma jseħħx fiż-żmien stipulat, jibdew jidħlu fis-seħħ multi ta' penalizazzjoni kull ġurnata li tgħaddi. Il-Gvern qed isejjaħ lill-MIDI biex timxi mal-kuntratt u mal-liġijiet ta’ Malta, u tipprovdi l-aċċess li hija obbligata li tipprovdi.