Marlene u l-PN iressqu mozzjoni biex żgħażagħ ta' 16-il sena jivvutaw

Il-Partit Laburista jgħid li hija ħasra li trid tiġi politiċizzata kwistjoni li diġà hawn kunsens fuqha

Il-Partit Nazzjonalista u d-Deputata Marlene Farrugia ressqu mozzjoni u emenda kostituzzjonali, biex, b’mod immedjat, iż-żgħażagħ li jkollhom 16-il sena jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali.

Il-PN qal li dan il-pass huwa wieħed bla preċedent u qed isir mill-Oppożizzjoni, "wara d-dikjarazzjoni ċara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li nhar it-Tlieta li għadda, waqt il-Mass Meeting tal-Indipendenza, qal li se jkun qed jara li żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali."

Fil-kummenti tiegħu, il-whip tal-PN David Agius sostna li hu l-Partit Nazzjonalista li verament jemmen fiż-żgħażagħ, mhux biss bid-diskors iżda b’azzjonijiet konkreti. 

Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista sostna li hija ħasra li "Simon Busuttil irid jippolitiċizza kwistjoni li fuqha hawn kunsens." Żied jgħid li fuq din il-materja, il-Prim Ministru ilu jitkellem u kien hu li propju ta d-dritt tal-vot lil żgħażagħ ta' 16-il sena li jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali, għall-ewwel darba.

Minkejja dan, David Agius żied jgħid li wara d-dikjarazzjoni tal-PN li se titressaq din il-mozzjoni, "b’paniku kbir, il-Gvern beda jgħid - lill-media tiegħu, jiġifieri TVM, ONE u l-Orizzont, li fil-baġit li ġej se jkun qed jikkunsidra li jagħmel studju dwar din il-possibilità. Dan filwaqt li ġab skuża li ma għandux il-mandat elettorali biex idaħħal dan id-dritt,” qal David Agius.

More in Politika