[Aġġornata] Jieqaf mill-istrajk wara li jiltaqa' mal-PM

Dean Camilleri se jibqa' quddiem Kastilja sakemm xi ħadd jisma' l-ilmenti tiegħu kontra l-"istorbju bla waqfien" mill-Bajja ta' San Ġorġ, Paceville

Dean Camilleri: 'Mhu qed nitlob xejn ħlief li jkunu osservati r-regolamenti'
Dean Camilleri: 'Mhu qed nitlob xejn ħlief li jkunu osservati r-regolamenti'

Dean Camilleri, student tal-MCAST ta’ 31 sena minn Pembroke li illum kien se jmur quddiem il-bini ta’ Kastilja u jagħmel strajk tal-ġuħ kontra dak li qed isejjaħlu ‘storbju bla waqfien’ u mingħajr ebda forma ta’ rispett lejn ir-residenti u lejn il-liġijiet li jikkontrollaw il-mużika ġejja mill-bars, waqqaf l-istess strajk wara laqgħa li kellu mal-PM Muscat.

Jidher illi ftit wara li Dean beda l-istrajk, il-PM Muscat iltaqa' miegħu u f'laqgħa li l-istess Camilleri, f'komunikat mal-midja, qal li kienet 'kordjali' Myuscat wegħdu li l-Gvern se jieħu azzjoni, biex fejn hu meħtieġ titjieb is-sitwazzjoni. Dean qal li se jkun qed jistenna u jara l-affarijiet imorrux għall-aħjar.

[Aktar kmieni] F’kuntatt mal-Illum.com.mt Camilleri sostna illi se jmur quddiem Kastilja u se jibqa’ hemmhekk sakemm l-ilmenti tiegħu jinstemgħu. “Mhux jien biss iżda kulħadd, inkluż ħafna residenti hawnhekk, xebgħu jipprotestaw kontra l-mużika tgħajjat li tiġi minn stabbilimenti fil-Bajja ta’ San Ġorġ u hemm uħud mill-istabbilimenti mid-dehra jistgħu jagġmlu li jridu. Jien,” kompla jgħid Fean ma’ dan is-sit, “mhux qed nitlob li jsir xejn speċjali ħlief li jkunu ossrvati l-liġijiet tal-pajjiż hekk kif miktubin, mhux kulħadd jagħmel li jrid.”

Camilleri qal li apparti minn petizzjoni, hu flimkien ma’ dawk li joqgħodu fiż-żona fuq il-Bajja ta’ San Ġorġ, ilhom jipprotestaw mal-awtoritajiet u saħansitra marru għand il-Pulizija bosta drabi biex jirraportaw l-istorbju kontinwu ħiereġ mill-istabbilimenti.

Għall-mistoqsija tal-illum.com.mt  dwar kemm beħsiebu jdum quddiem Kastilja, Camilleri huwa skjett, “sakemm xi ħadd jieqaf jinjorana u jisma’ l-ilmenti tagħna. Pero għalissa nħoss li m’għandix għażla oħra ħlief li minn għada nibda strajk tal-ġuħ.”

Mistoqsi jekk il-ġirien hux qed jappoġġjawh Camilleri wieġeb fil-pożittiv. Mistoqsi allura għalfejn ħadd mhu lest imur Kastilja miegħu huwa qal lil dan is-sit li mhux kulħadd “iħoss li għandu jagħmrl dan ilk-ġest, imma jien mhux se noqgħod bi kwieti u minn għada fid-9:00 a.m. se nintefa quddiem Kastilja, biex dak li hemm miktub fil-liġi jkun nfurzat. 

More in Politika