Il-Partit Nazzjonalista se jaħdem biex il-kwalità tal-edukazzjoni f’pajjiżna tkompli titjieb, u b’hekk ikollna studenti ta’ kwalità tajba li jsibu l-aqwa postijiet tax-xogħol. Dan qalitu x-Shadow Minister tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia f’laqgħa mar-Rettur tal-Università l-Profs Alfred Vella.
Therese Comodini Cachia tkellmet dwar l-importanza li l-Università toffri opportunitajiet għal studenti maturi, u sostniet li filwaqt li ħafna jaħsbu li l-Università hi post fejn in-nies imorru biex jaqraw u jistudjaw biss, il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-edukazzjoni terzjarja hi post fejn wieħed jista’ jkabbar il-ħsibijiet tiegħu.
Ix-Shadow Minister qalet li l-Partit Nazzjonalista ma jridx li l-Università tieqaf sar-riċerka tad-Dottorat, iżda li tmur lil hinn sabiex l-Università dejjem iżżid il-ġid u l-kontribut lejn is-soċjetà. Hi sostniet ukoll li l-fondi Ewropej huma kruċjali u għandhom jibqgħu importanti biex l-Università ta’ Malta tkompli tikber iżda l-pajjiż għandu wkoll jagħraf jinvesti aktar fir-riċerka.
Minn naħa tiegħu, r-Rettur qal li dawk l-istudenti maturi li jgħażlu li jkomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom, għandhom jingħataw l-għajnuna wkoll minħabba l-fatt li jkunu jridu jibnu familja fl-istess ħin. Hu tkellem ukoll dwar il-problemà ta’ sigurtà f’pajjiżna, u qal li għandha tingħata aktar attenzjoni sabiex barranin li jinsabu f’Malta ukoll ikunu jistaw ikomplu l-istudju taghhom.
Profs Vella temm jgħid li l-pajjiż għandu bżonn ikollu Dottorati f’oqsma varji, u li tali gradwati hemm bzonnhom ukoll fil-postijiet tax-xoghol u f'kumpaniji privati.