Il-PN jesprimi tħassib serju dwar l-investiment tal-Alitalia fl-Airmalta

...jgħid li l-investiment għandu jkun wieħed lokali

Fid-dawl tal-iżviluppi dwar is-sitwazzjoni fl-Air Malta, l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jinsisti li l-investiment li għandu jsir fil-linja nazzjonali tal-ajru għandu jkun investiment lokali. Din hi t-triq ‘il quddiem għall-Air Malta. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Malta Hotels and Restaurants Association, li matulha, l-MHRA ppreżentat il-proposti tagħha ta’ qabel il-budget għas-sena d-dieħla.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni tħares lejn it-takeover tal-Air Malta mill-Alitalia bħala waħda nkwetanti u dan għaliex din id-deċiżjoni hi waħda kruċjali, u hu importanti li ma titteħidx b’mod ħażin. “Jekk il-Gvern se jibqa’ għaddej kif inhu għaddej, jista’ jkun li jinduna tard wisq, meta l-ħsara tkun diġà saret,”, qal Simon Busuttil.

Hu ħabbar li għat-tieni sena konsekuttiva, l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta l-Pre-Budget Document bi proposti konkreti ta’ kif nistgħu nirnexxu lkoll flimkien. Hu qal li għada, l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco se jkun qed jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex jisma’ mingħandhom il-proposti tagħhom għall-budget tas-sena d-dieħla.

Minn naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv tal-MHRA Andrew Agius Muscat spjega l-viżjoni tal-assoċjazzjoni fis-settur turistiku, iżda anke f’setturi oħra, filwaqt li ppreżenta d-dokument Creating Shared Value bil-proposti għall-budget tas-sena d-dieħla. Dwar l-Air Malta, hu qal li l-assoċjazzjoni tal-lukandi u r-restoranti ilha madwar sitt snin tinsisti li l-investiment fl-Air Malta għandu jkun wieħed lokali.

Għal-laqgħa mal-MHRA, attendew ukoll ix-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech u l-Kelliem tat-Turiżmu Antoine Borg.

More in Politika