'La għandna dritt li nibnu xi ħaġa ... mela se nibnuha'

Id-Direttur tal-proġett Townsquare John Soler jgħid illi huma ma kellhom bżonn jiltaqgħu ma ħadd biex jieħdu dak li hu tagħhom legalment u skont il-politiki tal-ippjanar

John Soler, Direttur tal-proġett Townsquare
John Soler, Direttur tal-proġett Townsquare

“Akkużawna b’rgħiba...imma la għandna d-dritt li nibnu xi ħaġa aħna se nibnuha.” Hekk sostna d-Direttur tal-proġett Townsquare f’intervista li dehret fil-gazzetta oħt Maltatoday  ta’ nhar il-Ħadd li għadda. Huwa jgħid hekk: “ilna 12-il sena nistennew biex joħroġ dan il-permess, jiġifieri huwa ċar li dan mhux każ li  aħna ngħatalna l-permess mill-ewwel għax ilna li applikajna.”

Soler jgħid li l-pjanijiet għal Townsquare kellhom jinbidlu ħafna drabi, minn tal-inqas ħames darbiet, biex issa l-proġett jeħtieġ jikkonforma mal-aħħar pjani. Dawn jagħtu l-possibilità li l-bini jitla’ għal 38 sular, minn 23 sular, iżda jesiġu wkoll li l-iżviluppatur jeħtieġ iħalli 50% tal-ispazju bħala wieħed miftuħ u li jkun hemm spazju ta’ triq ta’ 10 metri madwar il-proġett.

“Li nista nassigura,” jkompli Soler, “huwa li ma ngħatajniex metru kwadru inqas jew metru kwadru aktar minn dak li huwa approvat fil-politiki tal-Awtorità tal-Ippjanar.” Hu jfakkar illi l-proġett se jsir f’żona li tippermetti bini għoli u wera’ sens ta’ ottimiżmu li l-proġett ikun suċċess.

l-karatteristiċi urbani ta’ Tas-Sliema ilhom jinbidlu snin twal. L-ewwel bdejna b’zewġ sulari, mbagħad il-Preluna bi 13-il sular u wara l-Forti Cambridge b’20 sular John Soler

Intant mistoqsi dwar l-impatt li l-proġett Townsquare se jkollu fuq Tas Sliema Soler qal li l-karatteristiċi urbani ta’ Tas Sliema ilhom jinbidlu għal snin sħaħ. “Il-biċċa kbira ta’ ħajti għixt f’Tas Sliema...l-karatteristiċi urbani ta’ Tas-Sliema ilhom jinbidlu snin twal. L-ewwel bdejna b’zewġ sulari, mbagħad il-Preluna bi 13-il sular u wara l-Forti Cambridge b’20 sular, kien hemm evoluzzjoni.”

Soler jiċħad b’mod mill-aktar kategoriku illi hu jew xi ħadd mill-proġett iltaqa’ mal-Prim Ministru Joseph Muscat jew mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. “L-ewwel nett, aħna mhux hekk nagħmluhom l-affarijiet u t-tieni nett dan is-sit dejjem kien wieħed li fuqu seta’ jsir żvilupp. Għandek għalfejn tiltaqa’ mal-partiti politiċi, meta diġa taf li dak li qed tipproponi huwa skont il-liġi u skont il-politika stabbilita?”  

More in Politika