'L-Arċisqof u l-Knisja diġà parti mill-koalizzjoni tal-PN'

Jeffrey Pullicino Orlando jakkuża li l-koalizzjoni tal-PN diġà inħolqot bil-Knisja u l-media 'indipendenti' tkun parti minnha

Jeffrey Pullicino Orlando akkuża li l-koalizzjoni nazzjonali, li l-PN semma' li se tinħoloq, 'fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni', diġà nħolqot, u li jiffurmawha hemm, "il-Knisja lokali mmexxija mill-Arċisqof Scicluna, il-media 'indipendenti' u xi uffiċjali amministrattivi."

JPO kompla jsostni li dawn l-uffiċjali tal-koalizzjoni, "iktar mingħaluhom jaqdu lill-maduma milli lil pajjiżhom. Żied jgħid li l-għan uniku ta' din il-koalizzjoni huwa li "jreġġa' lura l-poter fl-istess idejn manipulattivi li ddominaw ix-xena politika maltija għal kwart ta' seklu."

F'artiklu ta' opinjoni fil-gazzetta 'Kullħadd', Pullicino Orlando sostna wkoll li fil-każ ta' Leo Brincat, fejn "esponenti ewlenin xewxu kemm felħu lill-Parlamentari Ewropej," skonthom kellu jivvota kontra "l-Ministru sieħbu fil-kwistjoni tal-Panama Papers." Jgħid ukoll li f'każ simili, hu ma ħassx li għandu jivvota mal-Gvern li kien parti minnu, iżda "ħassejtni obbligat nuri li ma kontx qed naqbel mal-linja tal-Gvern Nazzjonalista f'ċirkustanzi partikolari."

Għaldaqstant, hu jsostni li bl-istess raġunament tal-PN illum il-ġurnata, hu ma messux għadda minn xiex għadda meta vvota kontra l-Gvern u jgħid li, "spiċċajt ittimbrat bħala traditur minn dawk li issa qegħdin jgħidu li Leo Brincat messu għamel bħali."

More in Politika