Fi stqarrija li Keith Schembri, s-sid tal-kumpanija Kasco, bagħat lill-mezzi tax-xandir huwa ċċara li "l-ebda kumpanija fil-grupp Kasco mhu se jissuplixxi lil Crane Currency b'ebda forma ta' makkinarju." Huwa fakkar kif il-makkinarju li jintuża fl-istampar tal-flus ikollhom karatteristiċi ta' siġurta' stretti "u għalhekk ma jistax ikun hemm suplixximent tagħhom minn kumpanija terza, imma direttament minn min jimmanifattura."
Schembri, li huwa wkoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru fakkar illi l-Grupp Kasco ilu aġent tal-makkinarju tat-tip Komori għal tmien snin u għalhekk "jista jkun li Kasco tkun responsabbli mis-servicing tal-makkinarju, kif wara kollox għamlet kumpanija oħra għal snin f'din l-industrija."
Schembri qal li jinsab kburi bl-involviment tiegħu li jiġu investimenti lejn Malta minn kull parti tad-dinja, "minkejja kull attakk fuqi." Huwa jisħaq li se jibqa' fuq quddiem biex jibqa' jkun attirat dan l-investiment u jgħid li hi vera sfortuna li "Simon Busuttil u l-kelliema tiegħu huma daqshekk riżoluti li jattakkaw investiment għall-benefiċċju tal-pajjiż."