[Aġġornata 3] In-nomina ta' Leo Brincat approvata
.... kif mistenni n-nomina ta' Malta għaddiet mill-Kunsill tal-Ministri wara vot kontra fil-Parlament Ewropew
More in Politika
.... kif mistenni n-nomina ta' Malta għaddiet mill-Kunsill tal-Ministri wara vot kontra fil-Parlament Ewropew
In-nomina ta' Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri għada kif ġiet approvat mill-Kunsill tal-Ministri fejn hekk kif diġa għaddiet mill-Kumitat tar-Rappreżentativi Permanenti (Coreper II) u anke mill-Kumitat għall-Kontrolli Baġutarji.
Minkejja dan, in-nomina ingħatat vot negattiv fil-Parlament Ewropew, hekk kif il-maġġoranza vvutaw kontra Brincat, mhux fuq il-bażi tal-kapaċotajiet tiegħu imma minħabba l-kwistjoni Panama.
Il-vot wassal għal diskussjoni, bil-PN jgħid li l-każ Panama se jkompli jiġri wara l-Gvern u jħammar wiċċ il-pajjiż u l-PL jakkuża lill-PN li kien qed juża l-enerġiji kollha tiegħu biex jipprova jħammeġ isem Malta, u b'hekk fil-proċess jimbarazza lill-Gvern.
Ċertifikat tal-integrità ta' Leo Brincat mit-28 pajjiż tal-UE
Intant il-Partit Laburista qal illi dan il-vot juri kif il-Kapijiet tal-Gvern tat-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea qablu unanimament fuq in-nominazzjoni ta’ Malta, Leo Brincat, biex iservi fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri wara li ttieħdet id-deċiżjoni llum.
"Permezz ta’ din id-deċiżjoni li ttieħdet irrenja s-sens komun wara li ħareġ bl-aktar mod ċar u inekwivoku li Leo Brincat mhux biss huwa persuna kompetenti, iżda aktar minn hekk li l-integrità tiegħu qatt ma tpoġġiet f’dubju minn kull għarbiel li għadda minnu sakemm waslet l-approvazzjoni tiegħu llum.
Tikkuntrasta ma’ din id-deċiżjoni hemm il-pożizzjoni, li ħadd ma jista’ jifhem tal-Kap tal-Oppożizzjoni sforz il-pressjoni li huwa mdawwar biha, li għas-skapitu tagħha prova jagħmel ħsara lill-pajjiż kollu."
'Ir-reputazzjoni ta' Malta reġgħet ħadet daqqa l'isfel'
Illum, ir-reputazzjoni ta’ Malta ħadet daqqa ta’ ħarta oħra wara li Muscat kompla jwebbes rasu minkejja l-maġġoranza assoluta tal-Parlament Ewropew. Il-vot tal-Parlament Ewropew dwar in-nomina ta’ Leo Brincat kien ċar, iżda Muscat għażel li jiġi jaqa’ u jqum minn din il-maġġoranza.
Dak li għamel Muscat hu aġir perikoluż, għaliex għażel li jiftaħ front kontra l-Parlament Ewropew ftit ġimgħat biss qabel pajjiżna jieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Minflok ra kif għamel biex ikollu l-kunsens tal-istituzzjonijiet kollha Ewropej, Muscat aġixxa b’mod ċar li jiġi jaqa’ u jqum mill-Parlament Ewropew li hu stess kien membru tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li Muscat m’għandux imur għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea b’Keith Schembri u Konrad Mizzi mgħażżra ma’ għonqu. Keith Schembri u Konrad Mizzi huma l-kaġun tal-fatt li pajjiżna qed jieħu reputazzjoni ħażina ġimgħa wara l-oħra. Muscat, iżda qed jagħżel li jibqa’ jiddefendi l-indifensibbli