Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern sabiex iraħħas il-prezzijiet tal-fuel "b'mod immedjat u sostanzjali," għaliex qed jinsisti li pajjiżna għandu fost l-ogħla prezzijiet tal-fuel fl-Ewropa.
Il-PN qal kif, "minkejja l-ħafna wegħdi ta’ Joseph Muscat, is-sewwieqa Maltin u Għawdxin baqgħu jħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-fuel fl-Ewropa. Il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin ilhom iħallsu fost l-ogħla prezzijiet fl-Ewropa għal dawn l-aħħar 20 xahar."
Fi stqarrija, il-PN spjega kif il-prezz tad-diesel f’Malta mhux biss hu ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea, iżda hu s-sitt l-ogħla fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Il-prezz f’Malta hu ta’ €1.16 għal kull litru, meta pajjiżi oħra, bħal-Lussemburgu, l-Bulgarija, l-Latvja, l-Polonja u l-Litwanja jħallsu anqas minn €1 għal kull litru.
"Anke għall-petrol, il-Maltin u l-Għawdxin qed iħallsu ferm aktar mill-prezz li qed iħallsu popli oħra Ewropej. Fil-fatt, dawk li jgħixu l-Bulgarija, l-Polonja, l-Latvja, l-Estonja u r-Repubblika Ċeka, fost l-oħrajn, qed iħallsu aktar minn 20ċ irħas mill-Maltin għal kull litru petrol."
"Dan kollu qed iwassal ukoll biex in-numru ta’ dawk fil-faqar f’pajjiżna jkompli jiżdied, tant li kemm ilu Muscat Prim Ministru, dan in-numru żdied b’6,000," ikompli jinsisti l-Partit Nazzjonalista.