F'Awwissu konna ppakkjati - 250,000 + turist f'xahar wieħed biss

..it-turisti qattgħu 2.37 miljun u nefqu €271 miljun f'pajjiżna

Iktar minn kwart ta' miljun f'xahar wieħed biss
Iktar minn kwart ta' miljun f'xahar wieħed biss

Ix-xahar ta’ Awwissu huwa x-xahar rinomat għall-mistrieħ u l-btajjel, ix-xahar fejn nistennew ħafna turisti f’pajjiżna—u hekk ġara. Awwisu reġa’ ma ddiżżappuntax; anzi, skont l-aħħar ċifri maħruġa dalgħodu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, rajna li għall-ewwel darba f’Awwissu li għadda qbiżna ċ-ċifra ta’ aktar minn kwart ta’ miljun turist f’pajjiżna. Kważi 257,000 turist minn madwar id-dinja għażlu lil Malta fix-xahar ta’ Awwissu: dan ifisser 3.4% aktar minn dak li ġie reġistrat fl-istess xahar tas-sena l-oħra. Dawn it-turisti qattgħu mat-2.37 miljun lejl f’Malta u nefqu €271 miljun.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn ir-riżultati li qed niksbu xahar wara xahar fis-settur turistiku. Kwart ta’ miljun turist f’Awwissu huwa suċċess storiku li mhux ta’ min jinjorah, qal il-Ministru Zammit Lewis. F’inqas minn tliet snin u nofs ta’ dan il-gvern kellna tkabbir fl-ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna f’Awwissu, ammont ikbar mit-tkabbir li rreġistra pajjiżna fl-istess xahar tul l-aħħar leġislatura sħiħa tal-gvern preċedenti.

It-tkabbir fin-numru tat-turisti matul l-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena kien wieħed straordinarju fejn laħħaq it-8.6% fuq l-istess perjodu tal-2015. L-akbar kontributuri għal dan it-tkabbir kienu s-swieq ta’ Spanja, l-Istati Uniti, l-Olanda u l-Iżvizzera. L-infiq turistiku laħħaq il-€1.157 biljun, 3.6% żieda fuq l-istess xhur tas-sena l-oħra u li ssarfet fi kważi €40 miljun aktar ta’ dħul dirett fl-ekonomija Maltija.

Dan il-gvern, li għandu fiduċja sħiħa f’din l-industrija u kommess bis-sħiħ sabiex isaħħaħa, qed juri dan biċ-ċar b’dawn ir-riżultati li qed niksbu bħala pajjiż f’dan is-settur, u li mbagħad joħloq effett anċillari f’industriji oħrajn li indirettament huma konnessi mal-industrija tat-turiżmu. Wieħed ma jistax ma jinnotax li fi tliet snin u nofs, fl-ewwel tmien xhur tas-sena kellna żieda ta’ 240,587 turist, filwaqt li fi tmien snin tal-gvern preċedenti t-tkabbir fin-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna fl-istess perjodu msemmi kien ta’ 196,483 turist. Dan ifisser li fi ftit iktar minn tliet snin, Gvern Laburista irnexxielu jattira aktar turisti milli rnexxielu jattira gvern preċedenti fi tmien snin sħaħ.

Dan kollu grazzi għall-ħidma konġunta bejn il-gvern, is-settur privat u l-istakeholders kollha f’dan is-settur u mhux inqas minnhom il-ħaddiema kollha li bil-vokazzjoni u l-ħidma tagħhom jagħmlu ġieh lil din l-industrija. Din hija responsabbiltà kbira li jġorru l-ħaddiema f’dan is-settur għax ħidmiethom hija l-aktar kuntatt dirett mat-turist li tħalli impatt immedjat fuq l-impressjoni tat-turist fuq pajjiżna. Għalhekk huwa tajjeb li niċċelebraw dawn is-suċċessi miksuba f’din l-industrija għax huma suċċessi li huma msawwra bil-għaqal, bil-ħidma u bil-bżulija kollettiva tagħna lkoll, imma rridu wkoll nibqgħu naħdmu biex niżguraw aktar kisbiet għall-futur, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Zammit Lewis.

 

 

 

More in Politika