'L-ewwel ipprova jirredikola dan il-każ serju, imbagħad spiċċa jiddefendih'
'Joseph Muscat kompla jikkonferma kemm hu ħaġa waħda ma’ Keith Schembri'
minn John Busuttil
Joseph Muscat kompla jikkonferma kemm hu ħaġa waħda ma’ Keith Schembri, meta quddiem każ ċar ta’ kunflitt ta’ interess miċ-Chief of Staff tiegħu, flok jieħu azzjoni deċiżiva, l-ewwel ipprova jirredikola dan il-każ serju, imbagħad, wara aktar pressjoni mill-ġurnalisti, spiċċa jiddefendih. Dan hu każ ieħor fejn il-Prim Ministru hu kompliċi ma’ Keith Schembri li ddefendih akkost ta’ kollox wara li nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.
Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta r-reazzjoni tiegħu għall-mod kif qed jaġixxi Muscat fil-kwistjoni tal-kunflitt ta’ interess li għandu ċ-Chief of Staff tiegħu fix-xiri tal-apparat u l-manutenzjoni mill-kumpanija Crane Currency.
Beppe Fenech Adami qal li mill-bidu nett, id-deċiżjoni li Muscat jaħtar lil Keith Schembri - b’daqshekk interessi kummerċjali fin-negozju - bħala Chief of Staff tiegħu, kienet deċiżjoni ħażina. Dwar il-kwistjoni ta’ Crane Currency, Beppe Fenech Adami qal li Muscat għandu ħafna xi jwieġeb, fost l-oħrajn: • meta bdew it-taħdidiet bejn l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u Crane Currency • min kien involut f’dawn it-taħdidiet • xi rwol kellu Keith Schembri f’dawn it-taħdidiet • meta kien involut Keith Schembri f’dawn it-taħdidiet Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu Malti u Għawdxi għandu kull raġun li jissuspetta f’kull ħaġa li fiha jkun involut Keith Schembri. Dan peress li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, fost l-oħrajn, inqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha - fi kliemu stess - jitfa’ l-miljuni tal-ewro ġejjin mill-commissions. “F’dan il-każ, qed jiġi spjegat u allegat li Keith Schembri - bl-interessi kummerċjali tiegħu bil-kumpanija Kasco Ltd - jista’ jkun li jdaħħal il-flus minn commissions li jkunu ġejjin mix-xiri u manutenzjoni millkumpanija Crane Currency,” qal Beppe Fenech Adami.
Minn naħa tiegħu, x-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u dDrittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi qal li filwaqt li Muscat m’għandu ebda idea dwar jekk jeżistix kunflitt ta’ interess f’dan id-deal ta’ Keith Schembri, kull min hu serju jaf li jeżisti kunflitt ta’ interess kbir. “Għandna sitwazzjoni fejn persuna - fir-rwol tiegħu ta’ Chief of Staff tal-Prim Ministru - qed jagħmel negozjati ma’ kumpanija privata, liema negozjati se jwasslu biex l-istess persuna - fir-rwol tiegħu ta’ shareholder ta’ kumpanija privata - idaħħal il-commissions,” qal Jason Azzopardi.
Hu sostna li llum, ħafna nies qed jaslu għall-konklużjoni li kien hemm raġuni għaliex Muscat ħalla lill-kumpanija De La Rue fi problemi li wasslu biex il-kumpanija tnaqqas in-nies. “Prim Ministru serju kien, f’ċirkostanzi fejn waħda mill-akbar kumpaniji f’pajjiżek qed tbati, jieħu d-deċiżjonijiet kollha neċessarji biex isalva kull impjieg. Deċiżjonijiet li anke ttieħdu fi żminijiet ekonomikament diffiċli,” qal Jason Azzopardi.
Ix-Shadow Minister żied jgħid li hu ovvju li meta Muscat jgħid li m’għandux idea x’qed jagħmel Keith Schembri, l-Prim Ministru qiegħed jigdeb. “Kieku vera m’għandux idea x’qed jagħmel iċ-Chief of Staff tiegħu, kieku Muscat verament tilef il-kontroll tal-pajjiż, u d-deċiżjonijiet kollha qed jeħodhom Keith Schembri,” qal Jason Azzopardi. “Id-deċiżjonijiet ħżiena ta’ Muscat qed jagħmlu ħsara kbira lil pajjiż. F’dan il-każ, storja li kellha tkun waħda pożittiva, spiċċat imtappna u se tibqa’ mtappna b’akkużi serji ta’ kunflitt ta’ interess miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru,” temm jgħid Jason Azzopardi.