Wara l-iżviluppi fil-liġijiet dwar il-libertà tal-espressjoni artistika, il-pass li jmiss hu l-immodernizzar tal-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-libertà tal-espressjoni ġurnalistika.
Fil-fatt, fl-ewwel seduta tal-Parlament fl-10 ta’ Ottubru li ġej se jsir l-ewwel qari ta’ abbozz ta’ liġi approvat mill-Kabinett tal-Ministri, li għandu l-għan li jaġġorna l-oqsma tal-media u l-malafama għall-ħtiġijiet tad-dinja tal-lum.
Dan l-abbozz huwa wieħed importanti għaliex se jdaħħal numru ta’ bidliet. Ewlenija fosthom hija t-tneħħija sħiħa tal-libell kriminali. Bidla oħra se tkun id-dħul ta’ mekkaniżmi ġodda ta’ alternative dispute resolutions f’kawżi ta’ libelli ċivili.
Fi stqarrija, il-Gvern saħaq li huwa kommess li jkompli jmexxi ’l quddiem aġenda progressiva favur iktar libertajiet u titjib tal-liġijiet li jirregolaw il-prinċipji fundamentali tad-demokrazija tagħna.