Muscat viċin li jwaqqaf in-negozjati

...deċiżjoni imminenti mill-PM tista’ twaqqaf in-negozjati bejn l-Air Malta u l-Alitalia

Il-Prim Ministru Joseph Muscat huwa viċin ħafna li jwaqqaf id-diskussjonijiet u n-negozjati biex l-Alitalia tikseb sehem ta’ 49% tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta, ħames xhur biss wara li kien iffirmat Memorandum of Understanding mal-istess linja tal-ajru.

Sorsi mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru spjegaw kif Muscat mistenni jieħu din id-deċiżjoni b’mod imminenti, anke jekk tmur kontra l-parir ta’ wħud mill-persuni li huma mdaħħlin fin-negozjati. “Il-PM huwa riżolut li kull deċiżjoni meħuda fil-konfront tal-Air Malta, tkun ta’ frott għall-kumpanija, għall-pajjiż u għall-ħaddiema tal-istess kumpanija,” sostnew mal-ILLUM.

Is-sorsi mill-Ufiċċju tal-Prim Ministru spjegaw kif id-deċiżjoni, Muscat ħadha hekk kif min-negozjati qed jirriżulta dejjem aktar ċar li “kulħadd se jkun qed jitlef. Se jitlef il-Gvern Malti u se titlef l-Air Malta fuq kollox, imma jista’ jkun li titlef ukoll l-Alitalia.”

Intant l-ILLUM hija infurmata li Muscat se jkun qed jiddirezzjona kollox għal ‘Pjan B’  tal-Gvern. “Il-PM huwa deċiż. Fl-aħħar mill-aħħar huwa l-PM u apparti l-interessi kummerċjali, qiegħed hemm biex jindirizza l-interessi tal-ħaddiema wkoll. Għalhekk huwa viċin li jieħu deċiżjoni li tista’ tfisser li jaqgħu n-negozjati mal-Alitalia u b’hekk il-Gvern idur għall-Pjan B.”

L-ammissjoni li l-Alitalia qed titlef €500,000 kuljum qajmet ħafna tħassib

Intant, l-ILLUM tinsab infurmata wkoll li l-pjan alternattiv tal-Gvern għall-Air Malta ma jinkludix il-proposta li għamel il-Partit Nazzjonalista lura f’Ġunju ta’ din is-sena, jiġifieri li l-ishma jinbiegħu lill-pubbliku.

Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru tiġi fid-dawl ta’ relazzjoni li qiegħda dejjem teħżien bejn il-ħaddiema tal-Alitalia u l-kumpanija. Dan is-sajf, preċiżament f’Lulju li għadda, l-Alitalia kellha tikkanċella 142 titjira wara li benefiċċji u perkaċċi li kellhom il-ħaddiema, ġew mneħħija f’eżerċizzju ta’ tnaqqis ta’ spejjeż. Il-ġimgħa l-oħra stess, il-ħaddiema għamlu strajk ieħor, din id-darba wieħed li waqqaf 150 titjira skedata.

Meta kien qed jirreaġixxi għal dan l-aħħar strajk, il-Kap Eżekuttiv tal-Alitalia stess, Cramer Ball ammetta li l-kumpanija kienet qed tagħmel telf ta’ €500,000 kuljum. Stqarrija li tefgħet lil dawk kollha mdaħħlin fin-negozjati hawn Malta f’dilemma qawwija.

L-ILLUM hija infurmata li l-istqarrija ta’ Ball qajmet għagħa fost il-ħaddiema, b’bosta jistaqsu u jilmentaw dwar il-futur tagħhom. Dan kollu xegħel bozza ħamra f’Kastilja, bil-konsegwenza li l-Prim Ministru kellu jerġa’ jikkunsidra u janalizza n-negozjati mal-Alitalia.

L-Alitalia ilha tiffaċċja problemi finanzjarji għal snin twal, għalkemm il-bejgħ ta’ ishma lill-kumpanija Etihad bdiet iġġib lil-linja nazzjonali tal-ajru Taljana fuq saqajha. Fil-fatt, l-Alitalia rreġistrat telf ta’ €580 miljun fl-2014 u €199 miljun fl-2015 bil-pjani huma li l-kumpanija tagħmel l-ewwel qligħ fi snin, matul is-sena d-dieħla. Dawn il-fatti, flimkien mal-istqarrija taċ-chairman tal-Alitalia Luca Cordero di Montezemolo li l-Alitalia mhux se tinvesti sold u mhi se tirriskja xejn, tappnu waħda sew il-prospetti ta’ ftehim mal-Alitalia.

Fil-fatt, il-prospett ta’ ftehim mal-linja nazzjonali tal-ajru Taljana qatt ma kienet milqugħa b’mod pożittiv ħafna hekk kif kollox kien jindika li s-sieħeb strateġiku dirett tal-Air Malta kien se jkun wieħed minn dawn it-tlieta:  Etihad, Air China jew Turkish Airlines.

 

 

 

More in Politika