'L-Airmalta: se nagħmlu dak li jaqbel għall-pajjiżna'

'L-Airmalta għandha bżonn imsieħeb strateġiku'

Waqt li kien qed jitkellem f’attività politika fiċ-Ċentru Laburista ta’ Ħal Għaxaq, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li wara l-isfida tal-Enemalta, li wara d-deċiżjonijiet li ttieħdu din il-kumpanija qamet fuq saqajha, l-isfida li jmiss hija l-Airmalta. Fil-każ tal-linja Nazzjonali tal-ajru se nagħmlu dak li jaqbel lill-pajjiżna u mhuhx dak li jaqbel lil xi kumpanija saħaq Dr Muscat u sostna kif wieħed ma jeskludi xejn, il-Gvern se jkompli għaddej bin-negozjati ma min hemm bżonn biex inġibu l-aħjar deal u jkunu ssalvagwardjati l-impjiegi.

 

Il-Mexxej Laburista stqarr li dan il-Gvern qatt ma qal le għall-investiment Malti, iżda li tagħmel bħal ma qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, li jinħarġu shares għall-pubbliku, mhux biss hija rresponsabbli, iżda llegali, tenna Joseph Muscat. Il-Prim Ministru sostna li fil-każ tal-Airmalta m’hemmx biss kwistjoni ta’ flus, iżda hemm bżonn li jkun hemm imsieħeb strateġiku. Kumpanija waħidha ma timxiex saħaq Dr Muscat filwaqt li spjega kif flotta żgħira bħal tagħna, b’għaxar ajruplani, hemm bżonn li tkun magħquda ma’ network internazzjonali. Il-Prim Ministru spjega kif linja tal-ajru reġjonali f’xi pajjiż kbir Ewropew ukoll tkun aktar f’pożizzjoni ta’ vantaġġ minnha għax dawn għandhom flotta akbar.

Joseph Muscat irreaferma l-ħtieġa li nirkbu ma’ partner strateġiku fejn ġab eżempju wkoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xiri ta’ fuel. Min se jġib l-aħjar deal min għandu 200 ajruplan jew min għandu 10 bħalna?, staqsa l-Mexxej Laburista filwaqt li tenna li  għalhekk hemm bżonn ta’ imsieħeb strateġiku. L-Airmalta trid timxi għas-snin li ġejjin mhux izappap biss għal 3 snin, qal Dr Muscat.

More in Politika