L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant, rapporteur għal grupp tal-S&D, ippreżenta rapport dwar investimenti ġodda fi ħdan l-Unjoni waqt laqgħa tal-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew (ECON).
Ir-rapport bl-isem “Is-Semestru Ewropew għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għas-sena 2016” jiġi addottat fl-ECON fil-11 ta’ Ottubru u wara jitressaq għall-approvazzjoni fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew. Attendew rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali fosthom Charles Mangion (PL) u Claudio Grech (PN) f’isem il-Parlament Malti u indirizzaw lill-kumitat dwar l-investimenti fl-UE.
Dr Sant introduċa d-diskussjoni billi ffoka fuq l-implimentazzjoni u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-istati membri biex iwettqu r-rakkomandazzjonijiet li tagħtihom il-Kummissjoni.
“Minħabba l-politika tal-UE u ż-żona ewro, liema rakkomandazzjonijiet fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi l-aħjar nenfasizzaw? Liema qbil jew ftehim huwa l-aħjar biex f’firxa politika wiesa’ kemm jista’ jkun, nagħżlu l-aħjar triq għall-investiment? – u fl-istess ħin inżommu r-rapport relevanti għal dawk il-miljuni ta’ ċittadini Ewropej li jixtiequ jgawdu mit-tkabbir ekonomiku li drajna bih tul is-snin.”
Dr Sant tkellem dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali biex jassumu rwol aktar validu u assertiv fil-konsiderazzjonijiet tar-rapporti nazzjonali, kemm fuq livell Ewropew u kif ukoll fuq livell nazzjonali biex jippreżentawhom lill-votanti daqs li kieku kienu tagħhom.
“Il-Parlamenti Nazzjonali qegħdin hemm biex jiddefendu l-interessi nazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew qegħdin hemm, ngħidu aħna, biex jiddefendu l-interessi Ewropej. Dak li jagħmel sens fuq livell Ewropew, anki meta applikat fl-ekonomiji nazzjonali, jista’ jidher valenu fuq livell nazzjonali, kemm jekk applikat fuq perjodu qasir u kemm fuq perjodu twil. Iżda l-kostitwenti tagħna huma l-istess, kemm jekk fuq livell nazzjonali u kemm jekk fuq livell Ewropew. Dan kollu għandu jiġi kkunsidrat fl-isfond ta’ kif qed jiġu applikati r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għal kull Pajjiż (CSRs) mill-gvernijiet.”
Dr Sant qal li skont l-analiżi tal-Kummissjoni, il-proporzjon ta’ kemm qed ikunu implimentati s-CSRs naqas b’aktar bin-nofs għas-semestri ta’ bejn l-2012 u l-2015. Fl-istess ħin, il-parti tar-rakkomandazzjonijiet li fuqhom ma jsir kważi l-ebda progress żdiedet għal kważi 30% fl-2012 għal aktar minn 50% fl-2015.
Dr Sant qal li l-Kummissjoni Ewropea naqqset is-CSRs fl-2016 – l-istess bħal kif għamlet fis-sena ta’ qabel – biex tikkonċentra aħjar fuq l-isfidi l-aktar urġenti tal-pajjiżi, u biex iżżid s-sehem nazzjonali tas-CSRs.
“Xorta hemm problema dwar l-implimentazzjoni tas-CSRs li qed tiddgħajjef u tiddeterjora. B’hekk il-politika ekonomika ta’ koordinament tal-UE mhix qed taħdem sew. Aktar minn hekk, għandna bżonn li nimbottaw u nippromwovu investiment ġdid? Għandu jkun privat biss? Jew għandna nagħmlu aktar biex inċaqilqu fondi pubbliċi?” staqsa l-Ewroparlamentari Malti.
Alfred Sant qal li d-diverġenzi soċjali u ekonomiċi saru sfida kbira u jistgħu joħolqu riperkussjonijiet fuq l-għaqda Ewropea. “Kif se jaffettwaw dawn id-diverġenzi fl-isfond li niżguraw li l-Patt ta’ Stabilita` u Tkabbir Ekonomiku ma jinkiser qatt? F’dan kollu, kif nistgħu nikkoreġu d-diverġenzi ekonomiċi u soċjali li dejjem qed jikbru bejn partijiet differenti tal-UE?” saħaq ir-Rapporteur tal-S&D.