'Pass konkret fit-twettiq tal-viżjoni li għandu l-Gvern...'

Dan qalu l-Ministru Chris Cardona waqt it-tnedija ta' sejħa internazzjonali għall-proġett ta’ Logistics Hub f’Ħal Far

“Malta għandha tradizzjoni b’saħħitha f’dak li għadu x’jaqsam ma’ kummerċ fil-Mediterran u nemmnu li b’din is-sejħa internazzjonali għall-operat ta’ Logistics Hub f’Ħal Far, se nkomplu nikkapitilizzaw fuq din it-tradizzjoni”

Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona waqt li ndirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnediet sejħa internazzjonali għall-proġett ta’ Logistics Hub f’sit identifikat f’Ħal Far.

Cardona ddeskriva din is-sejħa internazzjonali bħala l-ewwel pass konkret fit-twettiq tal-viżjoni li għandu l-Gvern għal dan is-settur, li għandu potenzjal li jsir pilastru ewlieni għall-ekonomija tagħna.

Din is-sejħa internazzjonali  għandha l-għan li tattira operaturi internazzjonali jew lokali biex iressqu l-proposti tagħhom għal konċessjoni tad-disinn, il-bini, il-finanzjament, l-operat u l-manteniment taċ-ċentru ta’ loġistika internazzjonali, fuq art b’daqs ta’ 45,000 metru kwadru, f’Ħal Far.  Il-Ministru qal li l-viżjoni tal-Gvern hija dik li jiġi żviluppat ċentru strateġiku f’Malta għal kummerċ internazzjonali, li jservi bħala Custom Free Zone jew bħala Custom Warehouse.

Is-sit identifikat huwa dak li preżentament jintuża bħala Customs Groupage Complex u l-ħsieb huwa li dan il-proġett jinkorpora fiħ l-operat eżistenti. Il-Ministru spjega li  dwar dan diġá saru diskussjonijiet mal-operaturi li joperaw mill-Groupage Complex, li fil-preżent jammontaw għal 34,  fejn kien assigurati li b’dan il-proġett, l-operat tagħhom u l-kundizzjonijiet mhux se jinbidlu.

Huwa spjega li s-sit inkwistjoni kien iddentifikat għal raġunijiet speċifiċi, ewlenija fosthom il-fatt li jinsab f’nofs triq bejn il-Port Ħieles u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, kif ukoll viċin żona industrijali ewlenija. Irrefera wkoll għal studji li saru qabel tfasslet din is-sejħa internazzjonali, li kkonfermaw li dan is-sit għandu potenzjal kbir bħala ċentru ta’ loġistika.

Cardona tkellem dwar il-benefiċċji ekonomiċi ta’ dan il-proġett. Qal li l-importanza kbira għal Gvern se jkun il-ħolqien ta’ aktar impjiegi ta’ kwalità. Fl-istess waqt, il-Gvern konxju mill-fatt li se tkun sfida wkoll għall-operatur li se jidħol għal dan il-proġett li jsib il-ħaddiema neċessarji, se jkun kommess jgħin fit-tħejjijiet u t-taħriġ neċessarju tal-ħaddiema.

“Il-loġistika, flimkien mal-edukazzjoni u l-life sciences huma setturi li għandhom isostnu t-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna. Aħna ottimisti li bl-istess mod kif irnexxilna nattiraw investiment fi proġetti bħal American University of Malta u l-Barts Medical School, kif ukoll riċentament Crane Currency, l-istess se nagħmlu wkoll f’dan is-settur,” saħaq il-Ministru Cardona.

Cardona qal li  l-viżjoni tal-Gvern għas-settur tal-loġistika mhijiex limitata biss għal din is-sejħa internazzjonali, imma wkoll għal inizjattivi oħrajn. Dan filwaqt li kkonferma li l-Malta Enterprise għaddejja b’diskussjonjiet biex ikunu identifikati siti oħrajn li jistgħu jservu għal dan l-iskop, ħalli fi żmien li ġej pajjiżna jkun trasformat ukoll f’ċentru tal-loġistika fil-Mediterran.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, is-Sur Mario Galea li ta’ dettalji dwar ir-request for proposal li sar b’ħidma mal-Privatisation Unit.

Id-dokument bir-Request for Proposal jinsab fuq is-sit tal-Privatisation Unit: www.privatisation.gov.mt

More in Politika