Se nqabblu fejn jaqblilna fuq l-Airmalta, jgħid il-Gvern

Il-PN jinsisti li l-investiment għandu jkun wieħed lokali bl-enfażi tas-sħubija jkunu t-tnaqqis fl-ispiża tal-flotta u t-tisħiħ tar-rotot fost l-oħrajn....

Il-faċċata tal-gazzetta ILLUM tal-Ħadd li għadda...b'rapport dwar possibilutà imminenti li Muscat iwaqqaf in-negozjati mal-Alitalia
Il-faċċata tal-gazzetta ILLUM tal-Ħadd li għadda...b'rapport dwar possibilutà imminenti li Muscat iwaqqaf in-negozjati mal-Alitalia

Fid-dawl ta' rapporti li deheru fuq il-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda (ara artiklu li deher il-Ħadd li għadda hawnhekk) komplew il-battibekki bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar l-Air Malta. Il-Gvern, fi stqarrija fakkar li, ilu ġimgħat jgħid, kif irrepeta ukoll il-Prim Ministru nhar il-Ħadd li għadda, li kull għażla, inkluż investiment lokali, "għadha fuq il-mejda u dak li qed jintqal mill-Oppożizzjoni issa mhuwa xejn ġdid, anzi huwa mudell li l-Gvern ilu jikkonsidra għal dawn l-aħħar xhur ukoll. Il-Gvern min-naħa tiegħu determinat sabiex isolvi l-problemi li ħoloq il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern meta Simon Busuttill kien ‘special envoy’ u mbagħad Viċi Kap tal-istess partit."

"Il-Gvern se jibqa’ konsistenti u ser iqabbel fejn jaqbel għall-Air Malta fl-interess tal-istess linja tal-ajru u tal-industrija turistika b’mod ġenerali. Il-Gvern qed jara li jsiru mill-ewwel riformi li messhom saru snin twal ilu u jagħmel sħubija strateġika. L-għażla ta’ investiment lokali kienet u għadha fuq il-mejda hekk kif diġà ħabbar il-Gvern," ttemm tgħid l-istqarrija. 

Il-PN jelenka għażliet differenti għall-Air Malta

Intant aktar kmieni f'konferenza il-PN baqa' jsostni li l-aħjar għażla għal futur sostenibbli tal-Air Malta hija li l-Gvern iħajjar investiment lokali biex il-kumpanija tkompli tissaħħaħ u ssir aktar kompetittivà, filwaqt li l-kontroll fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi tal-linja tal-ajru jibqgħu jsiru minn min għandu l-interess ekonomiku ta’ pajjiżna għal qalbu. 

Skont il-PN l-Air Malta għandha tkompli l-ħidma biex jinstab sieħeb strateġiku  iżda mhux neċessarjament permezz ta’ trasferiment ta’ ishma u deċiżjonijiet strateġiċi, bl-enfażi tas-sħubija jkunu t-tnaqqis fl-ispiża tal-flotta, it-tisħiħ tar-rotot, aċċess għal aktar servizzi ta’ manutenzjoni u ħiliet tekniċi, integrazzjoni ta’ sistemi tal-IT u back-office u xiri aktar vantaġġjuż kemm ta’ fuel kif ukoll ta’ materjal ieħor.

Wara li l-Gvern jieħu fuqu dawk li huma definiti bħala Past Liabilities, il-Gvern għandu jdaħħal qafas ġdid ta’ shareholding fuq tliet fażijiet:

L-ewwel fażi tkun investiment minn istituzzjonijiet u ażjendi privati lokali, li jsir bi proċess trasparenti u li ma jippermettix lil ebda azzjonist privat li jkollu aktar minn 10% tal-ishma tal-kumpanija. Min jinvesti jkollu obbligu ta’ lock-in ta’ perjodu sostanzjali sabiex tiġi evitata spekulazzjoni bl-ishma, b’eċċezzjoni għal parteċipazzjoni fit-tielet fażi tal-investiment.

It-tieni fażi tkun ħruġ ta’ share options lill-ħaddiema tal-Air Malta li jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fil-kumpanija. It-tielet fażi (li tidħol fis-seħħ wara perjodu ta’ bejn sentejn u tliet snin) tkun bejgħ tal-ishma lill-pubblika skont il-Listing Rules tal-MFSA.

L-Air Malta għandha taħdem biex ladarba jkollha l-bażi kapitali f’postha tkun tista’ tikseb finanzjament mis-swieq lokali u/jew internazzjonali biex tkun tista’ tagħmel investiment fl-effiċjenza, il-kwalità tas-servizz, l-infrastruttura teknoloġika u l-pożizzjoni fis-suq tal-Air Malta..

Is-soluzzjoni li tinstab għandha tkun waħda dejjiema u li kull sieħeb iħossu parti minnha. Għalhekk jekk ikun hemm qbil fuq mudell aċċettabbli, l-Oppożizzjoni temmen li fl-iqsar żmien possibbli dan għandu jiġi formalment aċċettat miż-żewġ naħat biex b’hekk min qiegħed jintalab li jinvesti fil-kumpanija jkollu viżibbilità fit-tul u garanzija ta’ stabbilità.

 

More in Politika