Is-sena li għaddiet, tħabbar kif l-edukaturi bħall-għalliema fl-iskejjel sekondarji u primarji, LSAs u kapijiet tal-iskola fost l-oħrajn, se jkun qed ikollhom iċ-ċans biex bħal edukaturi f’istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji, jiefqu sena minn xogħolhom u jieħdu xi kors u jistudjaw, waqt li xorta jkunu qed jieħdu l-paga ta’ għalliema. Fil-fatt, din is-sena kienet l-ewwel darba li għalliema li jkunu ħadu vantaġġ minn din l-iskema, irritornaw lura għal xogħolhom. Kienu 14-il persuna fosthom 10 fil-grad ta’ għalliema li ngħataw dan il-leave ta’ studju bi ħlas għal sena, matul is-sena li għaddiet, li l-Ministru jsemmi li jlaħħaq investiment ta’ €275,000.
‘Li tkun għalliem, mhix professjoni imma vokazzjoni’
Meta mistoqsi dwar x’kien il-ħsieb wara din l-inizjattiva, il-Ministru qal li kienu bosta dawk l-għalliema fil-livelli primarji u sekondarji li xtaqu jkomplu jistudjaw u jtejbu s-sitwazzjoni tagħhom, iżda kienet tkun estremament diffiċli għalihom sabiex ilaħħqu mat-tagħlim li jirċievu u dak li jagħtu fl-istess ħin. Hawnhekk, Bartolo jgħid li kienu ħafna dawk l-għalliema li diġà kienu qed jidħlu għal korsijiet post-graduate, “u dawn kienu qalulna li għandhom problema. ‘Kif se nlaħħqu jekk irridu nkomplu ngħallmu, nkomplu naħdmu, u fl-istess ħin nagħmlu dawn il-korsijiet?’ kienu jgħidulna.”
“Illum, iktar minn qatt qabel, li tkun għalliem mhix faċli,” isostni l-Ministru tal-Edukazzjoni. “Hija vokazzjoni u mhux professjoni biss. Għalija, dan mhux logħob tal-kliem iżda l-importanti huwa li tagħmel xogħlok b’impenn u b’imħabba lejn l-istudent. Dan ifisser li bl-isfidi kbar li għandek illum, li tkun għalliem jeħtieġ li ġġedded il-ħiliet tiegħek, il-pedagoġija u taġġorna ruħek. Altru dħalt tgħallem meta d-dinja kienet għadha mingħajr smartphones u tablets, u altru llum.” Hawnhekk, Bartolo jkompli jitkellem dwar id-differenza fl-istil ta’ tagħlim u l-metodi fil-klassi bejn snin ilu, u llum il-ġurnata u jgħid kif, “meta kont student jien fil-primarja u s-sekondarja, aħna konna lesti aktar naċċettaw b’mod passiv li noqogħdu bilqiegħda nisimgħu lil xi ħadd ikellimna quddiem blackboard. Illum, minn età żgħira, it-tfal għandhom din it-tip ta’ relazzjoni mat-teknoloġija, u jitolbu mod iktar attiv u interattiv ta’ kif jitgħallmu. Allura, l-għalliema f’dinja bħal din, meta għandek diversi sfidi soċjali u familjari, jeħtieġ li ġġedded il-ħiliet, l-għerf u l-kompetenzi tiegħek,” żied jgħid Bartolo.
Il-Ministru Bartolo mal-ILLUM