Il-Ministru Konrad Mizzi, f'nofs kontroversja minħabba kumpanija fil-Panama li ma ddikjarax, għamel ċar kristall l-intenzjoni tiegħu illi jkun kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Meta kien qed jitkellem waqt il-programm Aħna fuq ONE Radio iktar kmieni illum u b'risposta għall-mistoqsija ta' waħda mis-semmiegħa, Konrad Mizzi għamilha ċara illi fl-elezzjoni ġenerali li jmiss se jkun kandidat mill-ġdid tal-Partit Laburista.
Mizzi kien kandidat, għall-ewwel darba, fl-aħħar elezzjoni u kien it-tieni kandidat li ġab l-akbar numru ta' voti wara l-Prim Ministru Joseph Muscat li kien ikkontesta fuq dan id-distrett u kiseb iktar minn 12,000 vot. Mizzi kien ġab 1,000 vot tal-ewwel preferenza, liema numru iżda tela' għal 5,265 mat-tieni għadd. Dan ifisser li ħafna votanti bdew fuq Muscat u komplew fuq Mizzi.
Kienu ħafna id-diċċeriji li Mizzi mhux qed iħares lilhinn mill-aħħar ta' din il-leġiżlatura, iżda bl-istqarrija tiegħu illum, jidher li huwa determinat li jerġa jkun kandidat u naturalment jerġa jkun elett. Minkejja l-kritika kontinwa li qala', anke minn kollegi fil-Kabinett, huwa mifhum li Mizzi xorta għandu bażi ta' appoġġ u li se jkompli jisħaq l-innoċenza tiegħu, anke waqt il-kampanja elettorali li jmiss.