L-MDA tilqa' l-Master Plan għal Paceville u ssejjaħħlu 'pass pożittiv'

...imma twissi li jekk il-pjan jaqa' lura u l-iżvilupp isir b'rata mgħaġġla l-problemi se jikbru

Dehra artistika ta' Paceville tal-futur
Dehra artistika ta' Paceville tal-futur

Il-Malta Developers Association (MDA) tqis il-Master Plan għal Paceville bħala l-ewwel darba li fil-pajjiż sar attentat biex ikun hemm pjan li jħares lejn xi parti partikolari minn Malta b’mod olistiku flok li jitfasslu biss numru ta’ parametri li kull żvilupp ikun irid josserva mingħajr ma jingħata każ tal-effett globali tal-iżvilupp fl-inħawi fejn isir.

L-MDA tqis il-pass li ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar li tqabbad konsulenti magħrufa internazzjonalment biex ifasslu dan il-pjan bħala pass pożittiv li bħalu hemm bżonn isiru oħrajn għal inħawi oħra.

Il-Master Plan hu maħsub b’mod professjonali ħafna iżda madankollu jeħtieġ jingħata attenzjoni kbira meta l-Awtorità tasal għall-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu. Il-pjan huwa wieħed ambizzjuż u għaldaqstant hemm bżonn li l-istakeholders kollha konċernati jaħdmu flimkien sabiex il-pjan jitwettaq sewwa.

Il-pjan ifisser li l-area tal-ispazju mibni se tikber b’madwar 500,000 m2 u d-densità tal-bini (building volume) se tikber konsiderevolment u għalhekk l-MDA tħoss li, qabel ma jibdew isiru l-iżviluppi individwali, għandha tingħata prijorità lit-titjib tal-infrastruttura u l-proposti dwar it-traffiku. Jekk dawn jaqgħu lura u l-proġetti partikolari jinbnew b’rata mgħaġġla, allura l-problemi eżistenti se jikbru u mhux jonqsu.

L-MDA tħoss li l-pjan naqas li jindirizza l-possibilità ta’ proġetti ġodda li jistgħu isiru flok bini eżistenti u kkonċentra wisq fuq disa’ siti partikolari. Fil-verità, meta jkun hemm attività daqshekk intensiva f’area bħal din, ħafna mis-sidien tal-proprjetajiet eżistenti jitħajru jirrinovaw jew jibnu mill-ġdid il-proprjetajiet tagħhom – possibilità vera li ġiet kompletament injorata fil-Master Plan.

l-MDA tħoss ukoll li dawn il-proġetti ġodda għandhom ikunu mħajjra sabiex jilħqu l-ogħla livell possibbli ta’ użu ta’ enerġija rinnovabbli.

Dwar il-proposta għal riklamazzjoni ta’ art mill-baħar, l-MDA tħoss li din l-art hekk riklamata m’għandhiex tintuża biex jinbnew appartamenti u residenzi iżda tintuża għal xi proġett ta’ interess turistiku fuq livell nazzjonali.

More in Politika