L-Ewropa irid ikollha aspett soċjali anke meta terġa tibni l-industrija mill-ġdid

Alfred Sant jitkellem dwar is-sitwazzjoni fl-UE wara l-għeluq ta' kumpaniji u s-sensji....

L-MPE Laburista Alfred Sant
L-MPE Laburista Alfred Sant

L-Ewropa dejjem teħtieġ politika ta’ ri-industrijalizzazzjoni li tkun applikata b’mod konsistenti u effettiv u mhux meta xi kumpaniji kbar ikunu se jikkollassaw. Alfred Sant fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu qal li t-tradizzjoni Ewropea hija waħda li tassoċja l-politika pubblika mal-għanijiet industrijali. Dan ma jfissirx rifjut tal-globalizzazzjoni. Jirrifletti l-ħtieġa għall-impenn Ewropew fl-ippjanar tal-iżvilupp tal-globalizzazzjoni li jrid jieħu ħsieb l-aspetti soċjali permezz tal-kummerċ ħieles.

“Ma hemmx mod ieħor kif nippromwovu r-ri-industrijalizzazzjoni u kif napplikawh b’mod ugwali f’kumpaniji kbar u żgħar,” qal Dr Sant fi spjega tal-vot tiegħu favur mozzjoni għal riżoluzzjoni fuq il-“Ħtieġa għal politika Ewropea ta’ ri-industrijalizzazzjoni fid-dawl tal-każijiet tal-Kumpaniji Caterpillar u Alstom.” Ir-riżoluzzjoni hija sinjal favur politika biex l-Ewropa terġa’ tiġi ri-industrijalizzata, wara l-għeluq u s-sensji mħabbra mill-kumpaniji kbar Caterpillar u Alstrom li qed jiġu interpretati bħala sinjal li ‘l-industrija tal-Ewropa hija marida’.

“Fl-aħħar snin ir-ri-industrijalizzazzjoni kellha tkun sinsla fil-politika tal-UE. Smajna dwarha meta qamu problemi f’kumpaniji kbar fl-akbar stati membri. Intant ħafna mill-istati membri l-oħra kellhom xokkijiet kontinwi fis-sistema tal-industrijalizzazzjoni tagħhom. Sofrew nuqqasijiet kbar fl-impjiegi u fit-taħriġ industrijali. It-tnaqqis industrijarju affettwa bl-istess mod kumpaniji kbar u żgħar.”

Dr Sant qal li t-tħassib ta’ kumpaniji kbar u żgħar u l-ħtieġa ta’ strateġiji favur ri-industrijalizzazzjoni effettiva ġew midfuna taħt l-inkwiet tal-politika tal-kompetizzjoni li ma tippermetti l-ebda forma ta’ għajnuna tal-istat; dedikazzjoni sħiħa lejn is-suq ħieles taħt il-patroċinju tal-globalizzazzjoni; u twemmin sħiħ li s-servizzi waħedhom se jżommu l-ekonomiji Ewropej f’qagħda kompetittiva

More in Politika