'It-tibdil fil-klima għandha tkun ta' prijorita għall-gvernijiet tal-pajjiżi Mediterranji'

Laqgħet b’sodisfazzjon il-fatt li Malta u sitt pajjiżi oħra kienu minn tal-ewwel li rratifikaw il-ftehim ta’ Pariġi

 

Il-Mediterran hu fost l-aktar reġjuni vulnerabbli għat-Tibdil fil-Klima u dan għandu jinċentiva lill-pajjiżi Mediterranji u l-pajjiżi l-oħra biex jieħdu azzjoni konkreta u immedjata kontra t-tibdil fil-klima qabel ikun tard wisq.

Il-vulnerabilta’ tal-Mediterran tkompli toħroġ biċ-ċar permezz ta’ diversi studji li juru li sa tmenin sena oħra, ix-xita f’dan ir-reġjun se tonqos b’aktar minn nofs filwaqt li l-livell tal-baħar ikompli jogħla saħansitra sa nofs metru.

Wara l-vot qawwi tal-Parlament Ewropew favur ir-ratifikazzjoni tal-ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima, l-MPE Laburista Dr Miriam Dalli enfasizzat il-bżonn li issa l-pajjiżi Ewropej jibdew jimplimentaw minnufih azzjonijiet konkreti u effettivi biex jindirizzaw din l-isfida, ewlenin fosthom il-finanzjament li għandu jgħin fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet klimatiċi tal-pajjiżi.  

“Malta, flimkien ma’ pajjiżi oħra, diġa qed jesperjenzaw konsegwenzi negattivi riżultat tat-tibdil fil-klima fosthom nixfa ta’ diversi xhur u temp instabbli li diffiċli tbassru. Jekk ma jkunx hemm azzjoni konkreta, is-sitwazzjoni tal-Mediterran se tkompli tiddeterjora u l-kwistjonijiet ta’ instabilita u nuqqas ta’ sigurta’ fir-reġjun se jsiru aktar inkwetanti,” qalet Dr Dalli waqt diskussjoni fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

F’dan il-kuntest, hi laqgħet b’sodisfazzjon il-fatt li Malta u sitt pajjiżi oħra kienu minn tal-ewwel li rratifikaw il-ftehim ta’ Pariġi.

Wara s-suċċess tal-konferenza ta’ Pariġi dwar il-klima, magħrufa bħala l-COP21, il-pajjiżi se jerġgħu jiltaqgħu f’Novembru li ġej għal konferenza internazzjonali oħra din id-darba f’Marrakech fil-Marokk.

“Il-COP22 ta’ Marrakech hi konferenza propizja biex verament l-affarijiet jieħdu rotta oħra f’reġjun li jeħtieġ tant bidla. Għandna nieħdu din l-opportunita’ u nkomplu nibnu fuq il-progress li sar fl-aħħar xhur biex naslu għal azzjoni konkreta,” temmet tgħid l-MPE Miriam Dalli. 

More in Politika